Is-settur tal-akkomodazzjoni f’Malta jaħdem f’sinerġija mill-qrib mal-politika mmirata biex tiġġieled il-faqar, fosthom b’inizjattivi li jservu ta’ safety net sabiex persuna jkollha akkomodazzjoni denja fejn tgħix. Fost dawn l-inizjattivi nsibu l-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati u miżuri ta’ sostenn finanzjarju bħal self soċjali u benefiċċji tal-akkomodazzjoni mtejjba li jindirizzaw direttament l-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà, u jnaqqsu l-piż ekonomiku fuq familji vulnerabbli.
Dan iddikjarah il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes fil-parlament hekk kif kien qiegħed iwieġeb mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo dwar x’riformi hemm maħsuba u/jew ippjanati fis-settur tad-djar biex jiġġieldu l-problema ta’ persuni mingħajr dar.
Il-Minsitru Galdes saħaq li tul din is-sena, se jiddaħħlu numru ta’ emendi fi skemi eżistenti li jipprovdu aktar opportunitajiet għall-homeownership sabiex aktar ċittadini jkunu eliġibbli għal dawn l-iskemi.
Tenna li sal-ġimgħa li għaddiet ġew emendati l-kriterji ta’ eliġibbiltà tas-Sussidju fuq Kirjiet Privati, billi żdied b’elf ewro d-dħul massimu ta’ eliġibbiltà sabiex aktar persuni jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema.