Tuesday, May 21, 2024

Is-sewwieq mixli bil-qtil involontarju ta’ żewġ Pakistani ma kienx konxju tal-inċident

Aqra wkoll

Karl Vella Petroni, ir-raġel li qed jiġi mixli bi qtil involontarju ta’ żewġ irġiel mill-Pakistan f’inċident tat-traffiku fis-6 ta’ Mejju li għadda, stqarr li ma kienx konxju tal-inċident li seħħ li huwea kien involut fih. 

Dettajli dwar dak li ġara ħarġu waqt li komplew il-proċeduri kriminali kontra Petroni, li qed iwieġeb li mhux ħati ta’ l-omiċidju involontarju ta’ Faizan Muhammad u Ali Abbas, it-tnejn ċittadini tal-Pakistan. 

Fil-Qorti nstemgħet ix-xhieda ta’ uffiċjal tal-Pulizija, li kien fost l-ewwel persuni li wasal fuq il-post tal-inċident. Huwa fakkar li Petroni kellu riħa qawwija ta’ alkoħol, li għajnejħ kienu suwed u li deher għajjien. 

Tabib li jaħdem fid-dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei ippreżenta rekords bil-miktub, li juru li l-akkużat ma ftakarx dak illi seħħ u li l-pazjent kien qiegħed isofri minn telfien ta’ memorja. 

Minkejja l-parir mediku li kien ingħata, Petroni ffirma biex joħroġ mill-Isptar. It-tabib irimarka, kif dakinhar filgħaxija tal-istess tal-inċident, l-akkużat reġa’ mar l-Isptar u lmenta li kellu uġigħ f’siidru. 

Xehed ukoll l-espert forensiku diġitali Keith Cutajar, li qal li dakinhar tal-inċident, l-akkużat beda juża l-mowbajl tiegħu għall-ħabta tas-1.30 ta’ filgħodu u li baqa jagħmel dan sat-3:00 a.m. L-espert irrimarka li ma kienx sar użu ta’ mowbajl qabel jew wara tal-inċident. 

L-inċident fatali seħħ għall-ħabta tas-6:00 ta’ filgħodu, meta l-karozza Smart Fortwo misjuqa minn Vella Petroni ħabtet ma’ mutur Yamaha Crypton, li fuqu kien hemm iż-żewġ vittmi. Wieħed minnhom miet mad-daqqa wara li spiċċa f’għalqa f’ġenb it-triq u l-ieħor miet ftit tal-ħin wara fl-Isptar Mater Dei. 

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Godwin Scerri, filwaqt li d-Difiża qed titmexxa mill-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farugia.

Sport