Wednesday, April 24, 2024

IS-SIMBOLIŻMU TAL-AFGANISTAN GĦALL-BQIJA TAD-DINJA

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimgħat, bla dubju ta’ xejn li l-aktar storja internazzjonali li smajna dwara kienet it-tluq tal-forzi Amerikani mill-Afganistan, u kif il-vakum li ħalliet warajha l-Amerka ittieħed mit-Taliban. Tkellimt f’ħafna dettal banda oħra f’dan ir-rigward, għaldaqstant mhux l-għan tiegħi li nagħti parentesi storika f’dan l-ispazju.

Anzi, aktar milli lura, aktar nixtieq inħares ‘il quddiem. Ibda biex, il-fatt li l-Amerka waslet għad-deċiżjoni li toħroġ mill-Afganistan wara għoxrin sena, jista’ jiġi interpretat bħala sinjal ta’ dgħufija minn uħud.

Dan aktar u aktar meta l-ħruġ tal-Amerka wassal f’konklużjoni diżastruża; mhux biss fejn jidħol il-kontroll tal-Gvern tal-Afganistan, imma wkoll fejn jidħlu l-evakwazzjonijiet li saru minn Kabul. Infatti x-xhar li għadda, rajna mijiet ta’ nies maqbudin fil-mitjar ta’ Kabul, jistennew ajruplani Amerikani biex jiġu evakwati mill-pajjiż.

Sfortunatament jidher li kien hemm dewmien blabżonn biex isiru l-evakwazzjonijiet, b’għaxar sigħat jew aktar bejn kull titjira minn ajruplani Amerikani f’ċerti istanzi. Dan id-dewmien żejjed, apparti li juri li l-Amerka ma kinitx preparata għaċ-ċirkostanzi b’mod loġistiku, juri wkoll li żmien l-Amerka bħala l-aktar pajjiż potenti globalment riesaq lejn tmiemu, anke jekk mhux fiż-żmien immedjat.

Il-poter miexi lejn il-Lvant

Ngħiduha kif inhi, fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali hija xi ħaġa komuni li wieħed jgħid li ċ-ċentru tal-poter miexi mill-Punent għall-Lvant. Aktar ma’ jgħaddi żmien, aktar qegħdin naraw tisħieħ ekonomiku u militari miċ-Ċina, u s-sinjali juru li dan se jibqa’ jkun il-każ fiż-żmien li ġej.

Mill-banda l-oħra għandek l-Amerka li l-pożizzjoni tagħha aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qeda tmur lura fil-qasam internazzjonali. Dan mhux biss sforz kwistjonijiet globali, imma wkoll kwistjonijiet domestiċi, bil-poplu Amerikan aktar jixtieq li l-Gvern jindirizza affarijiet bħas-saħħa u l-edukazzjoni milli affarijiet internazzjonali.

Minħabba dan kollhu, nistgħu nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn jew ikollna dinja bipolari, biċ-Ċina u l-Amerka jiġġieldu għall-influwenza f’partijiet differnti tad-dinja, inkella dinja multipolari b’qawwiet oħrajn bħall-Indja u r-Russja li jippruvaw iżidu l-influwenza tagħhom u jikkompetu maċ-Ċina u l-Amerka.

Ngħid għalija, ma naħsibx li fiż-żmien li ġej se naraw pajjiżi b’saħħithom biżżejjed li jkunu jistgħu jikkompetu mal-Istati Uniti u ċ-Ċina. Imma dan ma jfissirx li ma jistax ikollok poteri reġjonali bħal ngħidu aħna l-Brażil, it-Turkija, u l-Ġappun li jkollhom poter dirett fir-reġjun tagħhom.

L-irwol tal-UE

Dan iġibni għall-aħħar punt tiegħi: l-Unjoni Ewropea. X’irwol se tieħu fiż-żmien li ġej? L-irwol tal-UE jista’ jkun jew wieħed li jimxi għal aktar unjoni, jiġifieri għall-konsolidazzjoni tal-poter Ewropew taħt l-awspiċi tal-unità, inkella jista’ jkun ukoll li naraw li l-affarijiet fl-Ewropa jibqgħu kif inhuma, jew saħansitra imorru lura. 

Jekk id-direzzjoni li tieħu l-Ewropa tkun aktar unità, kapaċi li l-poter Ewropew jikber. Imma din it-triq tiġi bir-riskji magħha, għaliex il-bilanċ bejn is-saħħa tal-pajjiżi l-kbar u l-pajjiżi ż-żgħar huwa diffiċli ħafna li jintlaħaq, u għaldaqstant, jaf ikollok ċertu pajjiżi li jimbuttaw lura kontra moviment għal aktar unjoni. It-tieni direzzjoni hija li jibqa’ kollox kif inhu, jiġifieri li fejn jidħol il-poter globali l-Ewropa tibqa’ kelb li għalkemm jista’ jinbaħ, ma jistax jigdem.

Kif sejrin l-affarijiet, jidher li għandek diversi mexxeja Ewropej li qed jimbuttaw għal aktar unità. Biss però, għandek dawk li ma jridux li l-Ewropa timxi f’din id-direzzjoni. Ngħiduha kif inhi, diffiċli li wieħed jilħaq kompromess. Imma jekk irridu naraw Ewropa b’aktar influwenza globali, dik hi l-unika triq li wieħed jista’ jieħu.

Artiklu miktub minn Dr Brendan Zerafa – Konsulent u Avukat li jispeċjalizza fil-liġi internazzjonali, l-affarijiet barranin u l-politika.

Sport