Wednesday, December 25, 2024

Is-sodod tal-kartun fl-Olimpjadi mhumiex maħsuba biex jipprevjenu s-sess

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Organizzaturi Olimpiċi qalu li s-sodod magħmula mill-kartun huma b’saħħithom wara li ġinnasta Irlandiż, Rhys McClenaghan, li qed jipparteċipa fil-Logħob Olimpiku f’Tokyo xejjen xnigħat dwar dawn is-sodod.

Dan wara li fuq il-midja soċjali bosta bdew jispekulaw li dawn is-sodod ġew maħluqa hekk biex l-atleti joqgħodu lura milli jagħmlu sess.

Iżda f’filmat li ppubblika fuq il-midja soċjali, dan il-ġinnasta wera li mhux minnu li dawn is-sodod jisfrundaw. F’dan il-filmat huwa deher jaqbeż fuq sodda tal-kartun filwaqt li ddikjara li l-ispekulazzjonijiet kienu foloz.

Aktar qabel, l-atleta Amerikan Paul Chelimo spekula li s-sodod huma magħmula minn materjal tal-kartun riċiklat li kienu ddisinjati biex ma jifilħux il-piż ta’ aktar minn persuna waħda u b’hekk iwaqqfu l-intimità fost l-atleti.

Intant, ilbieraħ uffiċjali għall-Kumitat Olimpiku Internazzjonali rringrazzjaw lill-ġinnasta Irlandiż talli xejjen it-teorija falza. Fl-istess waqt innutaw li s-sodod, li saru mill-kumpanija Ġappuniża Airweave, huma parti mill-isforz tagħhom biex jippromwovu l-użu ta’ materjal riċiklati.

Il-pjan ta’ din il-kumpanija biex tagħmel 18,000 sodda tal-kartun kien diġà tħabbar f’Jannar tas-sena l-oħra, jiġifieri qabel ma bdiet il-pandemija tal-COVID-19. Il-kumpanija qalet ukoll li dawn is-sodod kapaċi jifilħu sa 200kg.

Rapporti jgħidu li mill-inqas 8,000 minn dawn is-sodod huma mistennija li jerġgħu jintużaw waqt li l-bqija se jiġu riċiklati wara l-logħob. 

Ekonomija

Sport