Friday, April 26, 2024

Is-suspettat aggressur tal-isparatura f’Kalifornja joqtol lilu nnifsu mal-wasla tal-Pulizija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Pulizija f’Kalifornja identifikat is-suspettat aggressur tal-qtil ta’ ħames nisa u ħamest irġiel f’Moneterey Park f’Kalifornja bħala Huu Can Tran ta’ 72 sena. Huwa nstab mejjet f’vann xi sigħat wara li bdiet it-tfittxija għalih.

Is-Sherriff ta’ Los Angeles County Robert Luna f’aġġornament lill-midja kkonferma li Can Tran instab mejjet b’ferita minn tir li spara lilu nnifsu hu stess. 

Huwa żied jgħid li s’issa għadu mhux magħruf il-motiv wara dan l-attakk u li sebgħa minn fost l-għaxar persuni midrubin għadhom rikoverati fl-Isptar, b’uħud minnhom f’qagħda kritika. 

Rigward il-vittmi huwa qal li jidher li għandhom bejn il-50 u s-70 sena, għalkemm mhux eskluż li hemm uħud li għandhom iżjed minn hekk.

Kif maħsub mill-ewwel investigazzjonijiet tal-bieraħ, l-aggressur prova jwettaq it-tieni attakk madwar nofs siegħa wara fi klabb ieħor f’Alhambra, iżda żewġ persuni rnexxielhom joħdulu l-arma u sussegwentament ħarab minn fuq il-post. Filwaqt li qal li l-ewwel investigazzjonijiet juru li l-arma kienet fil-pajjiż illegalment, Luna faħħar liż-żewġ persuni li kkunsidra bħala eroj li salvaw numru ta’ ħajjiet hekk kif fl-aġġornament tiegħu seta’ kien qiegħed iħabbar dwar iktar katavri li kieku mhux għall-intervent tagħhom.

Żied jgħid li l-allegat madwar 12-il siegħa wara l-isparatura, numru ta’ uffiċjali ċċirkondaw vann li kien ipparkjat f’Torrance, madwar 48 Kilometru bogħod minn fejn seħħ l-ewwel attakk. Huma semgħu tir jiġi sparat u kif intervjenew sabu lill-allegat aggressur mejjet wara l-isteering. Żied jgħid li jidher li l-aggressur wettaq l-attakki waħdu u li x’aktarx il-vann li kien qiegħed isuq kellu pjanċi misruqin.

Iċ-ċelebrazzjonijiet marbutin mas-sena ġdida Luneari f’Moneterey Park ġew kanċellati u sa ftit ħin wara l-isparatura, in-negozji bdew iżarmaw il-lampi u dekorazzjonijiet oħrajn li permezz tagħhom kienu żejnu t-toroq biex jitgawdew mill-komunità wara żmien ta’ nuqqas minħabba l-pandemija.

L-isparatura qiegħda tiġi kkunsidrata bħala waħda mill-iktar sparaturi li ħalliet vittmi fl-istorja ta’ Kalifornja.

Ilbieraħ: Mill-inqas 10 mejtin u 10 oħra midrubin fi sparatura f’Kalifornja

Mill-inqas 10 persuni – ħamest irġiel u ħames nisa – sfaw maqtulin u minn tal-inqas 10 oħra sfaw midrubin fi sparatura li seħħet f’Moneterey Park f’Kalifornja waqt il-festival tas-sena l-ġdida Lunari.

Il-Pulizija kkonfermat li minn fost dawk midrubin hemm uħud minnhom li jinsabu f’qagħda kritika. Ikkonfermat ukoll li dawk kollha li salvaw, ittieħdu minnufih fl-eqreb sptarijiet biex jingħataw attenzjoni medika. 

Wong Wei tkellem mal-Los Angeles Times u qal li ħabibtu kienet it-toilet meta seħħet l-isparatura. Huwa kompla biex jgħid li meta ħarġet rat lill-aggressur jispara bl-addoċċ u tliet persuni mixħutin għal mejtin fl-art, inkluż ir-raġel li kien jieħu ħsieb il-klabb ‘Star Ballroom Dance Studio’.

Intant f’konferenza tal-aħbarijiet l-uffiċjal Għoli f’Los Angeles Robert Luna qal li l-pulizija rċeviet deskrizzjonijiet varji tal-aggressur li skont dawn id-dettalji jidher li huwa raġel Ażjatiku ta’ bejn it-30 u l-50 sena. Luna tkellem ukoll dwar il-possibbiltà li l-istess aggressur seta’ spara xi tiri oħra f’Alhambra, iżda f’dan it-tieni każ jidher li l-aggressur sab għadma iebsa hekk kif xi ħadd dar għalih u spiċċa ħarab minn fuq il-post qabel seta’ jwettaq xi tip ta’ ħsara. Skont rapporti li daħlitilhom, l-aggressur ħarab minn Alhambra permezz ta’ vann abjad.

Min-naħa tiegħu l-President Amerikan Joe Biden qal li qiegħed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni u ħeġġeġ lill-komunità biex tibqa timxi mal-istruzzjonijiet tal-forzi tal-ordni filwaqt li jkomplu għaddejjin l-investigazzjonijiet.

Sakemm morna għall-istampa, il-moħħ wara l-attakk kien għadu maħrub u kompliet għaddejja investigazzjoni biex ikun magħruf x’seta’ kien il-motiv wara l-istess attakk.

Sport