Friday, April 26, 2024

Isostni li l-futur tat-turiżmu jiddependi minn kemm nieħdu ħsieb lil dawk li jżuru pajjiżna

Pierre Scicluna, rebbieħ tal-Premju Ħaddiem tas-Sena f’Lukanda

Aqra wkoll

Il-Banquet Manager tal-Lukanda The Westin Dragonara, Pierre Scicluna, rebaħ il-Premju MTA tal-Ħaddiem tas-Sena f’Lukanda. Scicluna ngħaqad ma’ The Westin f’Ġunju tal-2008 bħala Banquet Manager, u ilu jokkupa dan ir-rwol importanti mal-kumpanija, sa minn dakinhar.

Matul l-​14-il sena taʼ servizz fil-Lukanda Westin Dragonara, huwa wera biċ-ċar l-​eċċellenza tiegħu fis-​servizz. Il-passjoni ta’ Pierre għar-rwol tiegħu hija riflessa fid-dedikazzjoni tiegħu għas-servizz ta’ avvenimenti ta’ grupp, żwiġijiet, jew laqgħat korporattivi jew ta’ inċentiv. Huwa rċieva rispons pożittiv ħafna dwar l-impenn tiegħu lejn ix-xogħol tiegħu, u jispikka tassew fil-mod kif jagħti l-aqwa tiegħu f’kollox.

F’intervista ma’ dan is-sit, Scicluna jgħid li l-futur tat-turiżmu f’pajjiżna jiddependi ħafna fuq kif aħna nibqgħu nieħdu ħsieb il-prodott, il-pajjiż, u lit-turisti biex huma jerġgħu jiġu u jirrakkomandaw lil pajjiżna lill-familji u l-ħbieb tagħhom.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn is-settur tat-turiżmu u l-catering?

L-imħabba tiegħi lejn is-settur tat-turiżmu bdiet 27 sena ilu, meta bdejt naħdem xogħol tas-sajf ġo lukanda żgħira f’Tas-Sliema. Minn hemm ‘l hemm, dejjem ħdimt ġo lukandi!

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Banquet Manager fil-Lukanda Westin Dragonara.

Bħala Banquet Manager jiena responsabbli ta’ kull avveniment li jsir fil-lukanda. Dawn ivarjaw minn konferenzi ta’ kull daqs minn 2 minn nies sa 600 persuna, festini ta’ kull okkażjoni fosthom tiġijiet, ikliet ta’ kumpaniji lokali u internazzjonali. Biex torganizza dawn l-avvenimenti, ovvjament is-sigriet hu li tiddiskuti, tippjana u tipprepara minn qabel mat-tim u l-organizzatur.

Kif tqis is-settur tat-turiżmu u l-catering f’pajjiżna fil-preżent?

Is-settur tat-turiżmu f’pajjiżna kiber matul iż-żmien u l-prodott tjieb ħafna, għax hawn ħafna opportunitajiet biex wieħed jitgħallem u jikber. It-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż ġab miegħu ċerti diffikultajiet fosthom biex insibu r-riżorsi umani, u għalhekk xi kultant ċerti postijiet ma jkunux jistgħu jgħollu l-livell mixtieq.  

Kif affettwat il-pandemija tal-Covid-19 lil dawn is-setturi f’pajjiżna, fosthom fil-lukanda fejn int impjegat?

Il-pandemija affettwat mhux ftit l-operat ta’ kull lukanda u ristoranti fin-nuqqas ta’ xogħol li kellna. F’dan iż-żmien diffiċli, tlifna ħafna nies li kellhom jirrikorru għal xogħolijiet f’industriji oħra u ma rritornawx lura. 

X’tikkummenta fuq l-unur personali prestiġjuż li rbaħt fil-jiem li għaddew?

Dan l-unur għalija kien l-ikbar wieħed fil-karriera tiegħi, li se nibqa’ ngħożżu tul għomri kollu, żgur. Qatt ma stennejt li kont ser inkun jien li nirbaħ dan l-unur, imma apprezzajt ħafna li l-kumpanija nnominatni u l-ġurija għażlu proprju lili biex inkun ir-rebbieħ! 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek?

Jien inħares lejn il-futur b’ottimiżmu, għax ix-xogħol tiegħi jagħtini ħafna sodisfazzjon biex inkompli nagħmlu.

Għaddi messaġġ finali lil min bħalek jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fix-xena tal- catering u tat-turiżmu f’pajjiżna.

Għal kull min jixtieq li kuljum ikollu sodisfazzjon f’xogħlu, din hija l-karriera ideali. Jien għalhekk għażiltha u se nibqa’ fiha!

Sport