Saturday, April 27, 2024

It-80 anniversarju tal-wasla tal-konvoj ta’ Santa Marija se jitfakkar bi spettaklu kbir

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar, eżattament is-Sibt 25 ta’ Ġunju, se jirritorna l-“Valletta Pageant of the Seas”, spettaklu varjat iddedikat għat-80 anniversarju tal-wasla tal-konvoj magħruf bħala ta’ Santa Marija, li kien daħal fil-Port il-Kbir nhar il-15 t’Awwissu 1942. Dan l-avveniment ta’ kull sentejn li issa sab postu fil-kalendarju tal-Port il-Kbir, tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien maċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef.  

“Wara waqfa ta’ sentejn, nistgħu nerġgħu nagħtu spinta u nagħtu ħajja mill-ġdid lill-wirt kulturali u l-identità tagħna bħala Maltin”

Owen Bonnici

Il-Ministru Bonnici qal li, “hija ħaġa sabiħa li jittellgħu avvenimenti bħal dawn u li qegħdin inżommu l-kultura ħajja b’rabta mal-port il-Kbir li aħna tant kburin bih. Wara waqfa ta’ sentejn, nistgħu nerġgħu nagħtu spinta u nagħtu ħajja mill-ġdid lill-wirt kulturali u l-identità tagħna bħala Maltin”. Fil-fatt, għall-ewwel darba minn wara l-pandemija, il-pubbliku huwa mistieden jattendi f’Xatt il-Barrieri, il-Belt Valletta għal dan l-ispettaklu kbir fuq l-art u fuq il-baħar b’aċċenn partikolari fuq il-Konvoj ta’ Santa Marija.

Il-Ministru Bonnici min-naħa tiegħu jemmen li b’avvenimenti bħal dawn qegħdin inkomplu nżommu l-kultura bħala parti integrali minn ħajjet pajjiżna u wiegħed li, “bħala Gvern se nkomplu nagħtuha l-importanza mistħoqqa”.

X’se jkun hemm…

L-attivitajiet se jibdew fit-8:00 ta’ filgħaxija bit-Tellieqa Telliqun; kompetizzjoni divertenti fil-Port il-Kbir bejn numru ta’ timijiet li se jtellqu l-inġenji tal-baħar li jkunu bnew huma stess mingħajr l-użu ta’ imqadef, magni, jew għajnuna oħra. Kull inġenju tal-baħar se jkun imsemmi għal vapuri tal-forzi navali Ingliżi li kienu preżenti fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.

Is-serata mbagħad mistennija tissokta b’kunċert ta’ mużika popolari mmexxija minn Maestro Paul Abela u bis-sehem ta’ “The Palace String Orchestra” taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Ryan Paul Abela u b’effetti bid-dawl li se jieħdu lill-udjenza lura fiż-żmien għall-era tas-snin 40. Fl-istess ħin se ssir ukoll edizzjoni speċjali tar-regatta bil-lejl bil-parteċipazzjoni ta’ sitt klabbs minn madwar il-Port. 

Il-prestazzjoni ewlenija se tkun tikkonsisti f’esperjenza teatrali u awdjoviżiva taħt id-direzzjoni ta’ Lee N. Abela li se tesplora l-esperjenza tal-Maltin matul dawk iż-żminijiet permezz ta’ projezzjonijiet fuq il-faċċata tal-Forti Sant’Anġlu bis-sehem tal-“Moveo Dance Company”, kif ukoll ta’ atturi prominenti lokali fosthom Theresa Gauci, Paul Portelli, Charlotte Grech, Cassandra Spiteri u ħafna oħrajn. 

Is-serata tagħlaq bil-kbir permezz ta’ installazzjoni bin-nar fuq il-baħar u spettaklu kbir tal-logħob tan-nar. Dan il-proġett se jittella’ bl-appoġġ ta’ Visit Malta, il-Forzi Armati ta’ Malta u Tug Malta.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Valletta Pageant of the Seas u avvenimenti oħra wieħed jista’ jżur: vca.gov.mt jew il-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Sport