Tuesday, September 24, 2024

It-Tajlandja tirrikonoxxi żwieġ bejn persuni tal-istess sess

Aqra wkoll

It-Tajlandja għamlet pass storiku eqreb lejn l-ugwaljanza fiż-żwieġ wara li l-parlament adotta abbozz ta’ liġi li jagħti rikonoxximent legali liż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Biex din il-liġi tidħol fis-seħħ iżda, minn barra l-approvazzjoni tas-Senat teħtieġ ukoll l-approvazzjoni rjali.

Huwa mistenni li dan isir sal-aħħar tal-2024, u b’hekk it-Tajlandja ssir l-uniku pajjiż tax-Xlokk tal-Asja li jirrikonoxxi l-unjonijiet u żwieġijiet tal-istess sess. Din il-liġi se ssaħħaħ r-reputazzjoni tat-Tajlandja bħala kenn relattiv għall-koppji LGBTQ+ f’reġjun fejn attitudnijiet bħal dawn huma rari.

Danuphorn Punnakanta, deputat parlamentari u chairman tal-kumitat tal-kamra inferjuri dwar l-ugwaljanza taż-żwieġ, waqt li ppreżenta l-abbozz qal li din il-liġi se tirritorna dawn id-drittijiet lil dan il-grupp ta’ nies.

Il-liġi l-ġdida, li kellha l-approvazzjoni ta’ 400 minn 415 tal-leġiżlaturi preżenti, se tiddeskrivi ż-żwieġ bħala sħubija bejn żewġ individwi, minflok bejn raġel u mara. U se tagħti lill-koppji LGBTQ+ drittijiet ugwali biex jiksbu tfaddil tat-taxxa taż-żwieġ, biex jirtu proprjetà, u biex jagħtu l-kunsens għat-trattament mediku lis-sieħeb jew is-sieħba li huma inkapaċitati.

Skont il-liġi, koppji miżżewġin tal-istess sess jistgħu wkoll jadottaw it-tfal. Madankollu, il-kamra t’isfel ma adottatx is-suġġeriment tal-kumitat li juża t-terminu “ġenituri” minflok “missirijiet u ommijiet”.

It-Tajlandja diġà għandha liġijiet li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fuq l-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali u għalhekk hija meqjusa bħala waħda mill-aktar nazzjonijiet favur LGBTQ+ fl-Asja.

Biex se ssir din il-ħiġi ħadet ħafna snin ta’ kampanji biex koppji tal-istess sess ikunu qrib daqshekk tal-ugwaljanza fiż-żwieġ.

It-tentattivi tal-passat biex jiġi legalizzat iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess fallew minkejja appoġġ pubbliku wiesa’. Stħarriġ tal-gvern lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet wera li 96.6% ta’ dawk mistħarrġa kienu favur l-abbozz.

Ħafna mill-persuni li se jintlaqtu pożittivament minn din il-l-liġi ilhom flimkien għal aktar minn ħames snin u ilhom li ppjanaw li jiżżewġu dakinhar li tidħol fis-seħħ il-liġi.

Deputat omosesswali mill-partit tal-oppożizzjoni Move Forward li ilu jikkampanja għall-ugwaljanza taż-żwieġ mid- deċennju li għadda stqarr li dan huwa jum storiku għall-parlament Tajlandiż li qiegħed jiġġieled għad-drittijiet tal-LGBTQI+.

Diversi partiti politiċi kienu wegħdu li jirrikonoxxu għaqdiet tal-istess sess bħala parti mill-kampanja elettorali tagħhom qabel l-elezzjoni tas-sena l-oħra. Il-Prim Ministru Sretta Thavisin wkoll ilu jkun voċiferu fl-appoġġ tiegħu minn meta ħa l-kariga f’Settembru tas-sena l-oħra.

Sport