Friday, December 27, 2024

“It-tama li tingħatalna llum hi li l-aħħar kelma mhix tal-mewt imma tal-ħajja”

- L-Arċisqof Charles Scicluna

Aqra wkoll

“It-tama li tingħatalna llum hi li l-aħħar kelma mhix tal-mewt imma tal-ħajja… li l-mewt mhix ħajt li taħbat miegħu imma bieb, tieqa, għidlu velestrun, li minnha jgħaddi d-dawl. U għalhekk Marija hi sinjal ta’ tama u kewkba ta’ tama.”

Hekk stqarr l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna waqt li kien qiegħed jagħmel il-parenġirku f’ġieħ Santa Marija fil-Bażilika Minuri tal-Mosta.

Waqt il-Parenġirku, l-Arċisqof ressaq lejn il-fidili diversi riflessjonijiet fosthom dwar ix-xewqa ta’ Papa Franġisku li jixtieq li l-Papa Franġisku jixtieq li s-sena d-dieħla, u meta niltaqgħu bħal-lum sena jrid inkunu fil-qalba tas-Sena tal-Ġublew 2025, isibna pellegrini tat-tama f’mixja ta’ poplu mimli bit-tama.

“Mhux it-tama ta’ min jixtieq jirbaħ il-lotterija, imma t-tama ta’ min jaf li “l-Mulej ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu” fl-istorja kollha. Din kienet il-konvinzjoni. Din kienet il-fidi ta’ Marija ta’ Nazaret li l-Mulej jiftakar fil-ħniena tiegħu, li “l-wegħdiet tiegħu lil missirijietna b’risq Abraham u nislu għal dejjem”, huma ta’ vera, iseħħu,” kompla jgħid l-Arċisqof.

Fakkar ukoll dwar l-ewwel kliem tal-innu Ave Maris Stella, miktub minn Papa Benedittu li jibda bil-kliem “Sidtna Marija f’kewkba tat-tama.”

Marija kellha bżonn tittama imma bil-konvinzjoni tal-kelma tal-anġlu tal-Mulej meta qalilha li mhux se tagħraf raġel u se tnissel. Irid ikollok tama tal-azzar biex temmen fil-kelmiet tal-anglu, b’tama li dak kollu li xtaqet u talbet għalih, bħall-profeti u n-nies ġusti kollha ta’ Iżrael iseħħ f’waqtu. Ma kinitx taf li kienet magħżula biex it-tama ta’ Iżrael isseħħ. Imma meta l-anġlu għamlilha l-proposta bil-kunsens tagħha, Alla daħal fid-dinja bħala bniedem u l-iben ta’ Alla tnissel f’ġufha. Hi kellha taffaċċja l-għidut tan-nies u d-dubju ta’ Ġużeppi. Iżda mill-bidu nett għarfet li Alla tat-tama ma jqarraqx bina. Dan ma jfissirx li mhux qed isejħilna għas-sabar, għall-paċenzja, għall-qawwa fit-tiġrib u l-kontradizzjonijiet,” tenna l-Arċisqof.

Dwar is-sitwazzjoni preżenti, l-Arċisqof Scicluna jgħid li llum meta nifirħu fl-Għid tal-Assuna u meta nħarsu lejn Ġerusalemm, belt mimlija kunflitti hemmhekk hemm żewġ teżori kbar tal-umanità, dak ta’ Kristu u ta’ Marija.

“L-esperjenza tal-Knisja, hi u tiskopri dawn l-oqbra vojta mingħajr l-intiena tat-taħsir, kienet waħda li l-kelma ta’ Alla fuq il-qawmien mill-imwiet ma tonqosx, li destin tagħna fuq din l-art hu sabiħ imma hemm jistenniena destin isbaħ u aħjar. Iżda minn din id-dinja nistgħu nibdew għal xulxin l-infern jew il-ġenna,” itemm jgħid l-Arċisqof Scicluna fil-festa ta’ Santa Marija.

Ekonomija

Sport