It-Tazza tad-Dinja mistennija tibda ġurnata qabel milli kien ippjanat, nhar il-Ħadd, 20 ta’ Novembru, bl-ospiti l-Qatar jiltaqgħu kontra l-Ekwador.
Il-ftuħ ta’ Grupp A kellu jintlagħab fil-21 ta’ Novembru fil-5.00 pm ħin ta’ Malta, bħala t-tielet partita tal-kompetizzjoni.
Il-partita tal-ftuħ tat-tournament kellha tkun Senegal kontra l-Olanda fil-11.00 am l-għada t-Tnejn. Madankollu, il-fergħa amministrattiva tal-korp governattiv dinji, il-FIFA, issottomettiet proposta biex tiċċaqlaq il-logħba tal-Qatar.
Segwew diskussjonijiet mal-Qatar u l-avversarji tagħhom l-Ekwador, wara li rċeviet talba mill-konfederazzjoni tal-Amerika t’Isfel, CONMEBOL.
Din taqbel mat-tradizzjoni li jew l-ospiti jew ir-rebbieħa kurrenti jkunu involuti fil-partita tal-ftuħ.
Id-deċiżjoni finali se tittieħed mill-bureau tal-kunsill tal-FIFA, li jinkludi s-sitt presidenti tal-konfederazzjonijiet, flimkien mal-president tal-FIFA, Gianni Infantino.
Jekk tiġi approvata kif mistenni, ma tbiddilx id-dati tal-ħruġ għall-players, u s-Senegal kontra l-Olanda tinbidel għall-4.00 pm ta’ nhar it-Tnejn, peress li jintlagħbu biss tliet logħbiet minflok l-erbgħa preżenti.
Il-partita ta’ Grupp B bejn l-Ingilterra u l-Iran, li qed tintlagħab fis-2.00 pm tal-21 ta’ Novembru, ma tkunx affettwata, kif ukoll il-partita tal-ftuħ ta’ Wales kontra l-Istati Uniti fid-9.00 pm tal-istess data.