Wednesday, March 27, 2024

UEFA Conference League: Hamrun Spartans jibdew b’goal minn taħt fil-Bulgarija

Aqra wkoll

Il-Ħamis, Hamrun Spartans ikunu mpenjati meta fit-tieni leg tat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, jilagħbu għand Levski Sofia b’dawn tal-aħħar qed igawdu vantaġġ ta’ 1-0.

Bla dubju, l-Ispartans jistgħu jħossuhom ferm sfortunati meta fl- ewwel leg sofrew il-goal pro­prju fil-ħames minuta tal-ħin miżjud minn Filip Krastev.

Huma kkontrollaw lill-avversarji għal ħafna ħinijiet tal-logħba fejn kellhom ukoll il-mumenti tagħhom li jiftħu l-iskor.  

Iżda fil-veritá huma lagħbu kontra team li huwa rinomat fil-kompetizzjonijiet Ewropej hekk kif kull sena jirrappreżenta lil pajjiżhom.

Levski kellhom iċ-ċans li jiftħu l-iskor aktar qabel meta ngħataw penalty iżda l-istess Krastev ra x-xutt tiegħu mill-11-il metru jaħbat mal-wieqfa.

Levski għadhom ġejjin minn reb­ħa minima ta’ 1-0 kontra Pilin Blagoevgrad fil-kampjonat Bulgaru. S’issa huma lagħbu tliet logħbiet f’dan l-istaġun fejn kisbu sitt punti wara żewġ rebħiet u telfa. L-aqwa skorer tagħhom huwa l-attakkant Franċiż, Bilal Bari, li skorja żewġ goals staġjonali s’issa.

It-team Bulgaru huwa favorit li jgħaddi għar-round li jmiss. Iżda fil-football kollox jista’ jiġri u bil-potenzjal li Hamrun jippossjiedu, xejn m’huma impossibbli. Peró jridu jiżguraw li ma jsofrux l-ewwel goal tal-logħba.

L-Ispartans ikkwalifikaw għal din il-fażi wara li eliminaw lil Alaskert tal-Armenja b’aggregate ta’ 4-2 (0-1, 4-1) u lil Velez Mostar tal-Bosnja b’aggregate ta’ 2-0 (1-0, 1-0).

Min-naħa tagħhom, il-Bulgari eliminaw lil PAOK tal-Greċja b’aggregate ta’ 3-1.

Il-logħba se tintlagħab fi Stadion Georgi Asparuhov ta’ Sofia li jesa’ 29,200 spettatur. Min jirbaħ minn dan il-konfront jilgħab kontra AEK Larnaca FC ta’ Ċipru jew FK Partizan tas-Serbja.

Ekonomija

Sport