Thursday, April 18, 2024

UEFA Conference League: Hibernians b’ċans tajjeb li jkomplu javvanzaw

Aqra wkoll

Il-Ħamis, Hibernians jospitaw lil Rigas FS tal-Latvja f’partita valida mit- tieni leg tat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, fejn għandhom ċans kbir li jsiru l-ewwel team Malti li jikseb post storiku fil-play-offs ta’ din il-kompetizzjoni wara d-draw ta’ 1-1 barra minn xtutna. 

Minkejja li Hibernians kienu qed jilagħbu b’10 min-nies wara t-tkeċċija ta’ Thaylor Aldama, għal żewġ karti sofor, kien Dunstan Vella li fetaħ l-iskor għall-Pawlisti.

L-avversarji ngħataw iċ-ċans li jiksbu d-draw meta rebħu penalty iżda l-goalkeeper Pawlisti, Ibrahim Kone, salva x-xutt ta’ Petr Mares mill-11-il metru. Peró lejn it-tmiem huma kisbu d-draw b’xutt preċiż ta’ Andrej Ilic.

Rigas jinsabu fit-tieni post tal- kampjonat domestiku, distakkati tmien punti mil-leaders, Valmeira.

Il-coach ta’ Rigas, Viktors Morosz, kien ikkritikat bl-aħrax mill-media Latvjana, wara li t-team tiegħu ma rnexxielux jirbaħ fl-ewwel leg biex issa se tkun diffiċli għalihom biex ikomplu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni.

Hibernians se jkollhom lil Aldama sospiż iżda mistenni jirritorna Andrei Agius minn sospensjoni ta’ ħames partiti. Teżisti wkoll possibbiltá li Bjorn Kristensen jibda mill-bidu hekk kif issa jinsab f’siktu għal kollox wara injury fit-tul.

Wara li sfaw eliminati mill- UEFA Champions League minn Shamrock Rovers b’aggregate ta’ 3-0 (3-0, 0-0), Hibernians ġew relegati għal din il-kompetizzjoni biex fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni għelbu lil Levadia Tallinn tal-Estonja b’aggregate ta’ 4-2 (3-2, 1-1).

Rigas waslu sa din il-fażi tal-kompetizzjoni wara li eliminaw lil HJK tal-Finlandja  5-4 bl-għoti tal-penalties wara aggregate ta’ 2-2.

Ir-rebbieħ jilgħab kontra t-tellief bejn Linfield tal-Irlanda u FC Zurich tal-Isvizzera.

Ir-referee se tkun l-Ukrena, Ka­teryna Monzul, li kkontrollat il-finali tal-Euro 2022 tan-Nisa mirbuħa mill-Ingilterra kontra l-Ġermanja.

Il-logħba se tintlagħab fis-Centenary Stadium u tibda fit-8.00 pm.

Ekonomija

Sport