Saturday, May 4, 2024

IT-TEKNOKRATIĊI AĦJAR MILL-POLITIĊI?

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn ALFRED SANT

Meta jgħiduli li t-tmexxija ta’ pajjiż aħjar issir mit-teknokratiċi milli mill-politiċi jgħadduli d-dubji. (Teknokratiku kif nifhimha jien, fit-teorija, hu persuna kompetenti fil-modi xjentifiċi ta’ kif tħares lejn id-dinja biex tasal għal deċiżjonijiet skont kejl bilanċjat u meqjus.) Il-problema hi li ftit hemm eżempji ta’ gvernijiet immexxija minn teknokratiċi li marru aħjar minn oħrajn immexxija minn politiċi.

Nista’ naħseb f’żewġ eżempji li ma tantx taw riżultati tajba: fl-Istati Uniti fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor; u fiċ-Ċili fis-snin ’80/’90.

Nibqa’ fuq tal-ewwel: ħafna saffi fit-tmexxija tal-president JF Kennedy fl-Istati Uniti inbnew fuq fiduċja fit-teknokratiċi, bħal fid-Dipartiment tad-Difiża Amerikan taħt Robert Mc Namara. Ir-riżultat ma tantx kien sabiħ. L-Istati Uniti daħlu fl-infern tal-gwerra tal-Vjetnam waqt li b’riżultat tad-deċiżjonijiet li ttieħdu, kienet xterdet  mewġa ta’ għoli tal-ħajja mal-pjaneta kollha. 

TWEMMIN RELIĠJUŻ U POLITIKA

Mhijiex ħaġa ċara kemm it-twemmin reliġjuż personali għandu jitħalla jiggwida l-aġir politiku. Fi stat sekolari, demokrazija li fiha jgħixu ċittadini li jaġixxu skont il-valuri tad-diversi reliġjonijiet li jħaddnu, irid ikollha regoli ta’ imġiba li raġonevolament japplikaw għal kulħadd.

Imma x’jiġri jekk ir-regoli jinħassu minn uħud miċ-ċittadini bħala li jmorru kontra valuri fondamentali… reliġjużi, jekk trid, li jemmnu fihom?

Din hi d-dilemma li qed titqajjem bl-oppożizzjoni għall-proġett dwar ħarsien tal-ugwaljanza fid-drittijiet personali li jinsab quddiem il-Parlament Malti.

Jidhirli li n-naħa tal-gvern għandha raġun tinsisti li taħt il-kappa ta’ oġġezzjonijiet li kif qed jintqal, joħorġu mill-kuxjenza reliġjuża, ma jistgħux jitwarrbu l-valuri sekolari meta dawn jinsistu fuq li l-ħarsien tad-drittijiet ugwali għal kulħadd jiġi mħaddem tassew.

POLITIKA MONETARJA

Dwar il-politika monetarja fl-Ewropa – immexxija “ċentralment” mill-Bank Ċentrali Ewropew – hemm ħafna mistoqsijiet xi jsiru. Kienu hemm qabel telqet l-imxija tal-corona virus u żdiedu kemm ilna nġorruha. 

Biex isostni tkabbir ekonomiku li kien mitruħ, il-Bank Ċentrali Ewropew tellaq snin ilu programm ta’ xiri ta’ ishma li ppompjaw biljuni fuq biljuni ta’ ewro fl-ekonomiji tal-Ewropa. Dan ma ġabx miegħu żieda fil-prezzijiet… anzi l-prezzijiet baqgħu staġnati u f’ċerti pajjiżi komplew jonqsu.

U allura jitqanqlu l-mistoqsijiet: Il-miri tal-politika monetarja marbuta mal-inflazzjoni għadhom jagħmlu sens? Il-Bank Ċentrali Ewropew mhux qed jagħżaq fl-ilma bil-politika tiegħu jekk il-gvernijiet Ewropej se jibqgħu jżommu lura milli jiftħu l-vitien finanzjarji biex joħolqu l-attività ekonomika bin-nefqa tagħhom fil-baġits? (Dan qabel l-imxija. U wara li bdiet: ) L-istess Bank m’għadux jagħżaq fl-ilma meta baqa’ għaddej bl-istess politika waqt li l-inflazzjoni għadha baxxa ħafna, minkejja li l-gvernijiet fetħu l-vitien finanzjarji kollha biex jilqgħu għall-Covid 19?

Sport