Spanja u Franza qed iħejju ruħhom għal mewġa oħra ta’ sħana li possibbilment tgħolli t-temperaturi għal 44C fil-jiem li ġejjin. Dan fl-istess waqt li ċ-ċifri qed juru li s-sħana estrema ta’ Ġnju kienet responsabbli għal aktar minn 2,000 mewta fiż-żewġ pajjiżi.
Skont l-aġenzija meteoroloġika statali ta’ Spanja, Aemet, massa ta’ arja niexfa u sħuna ħafna se ġġib temperaturi persistentement għoljin f’ħafna żoni ta Spanja mis-Sibt, u żiedet li t-temperaturi f’partijiet tax-xlokk jistgħu jilħqu bejn 42C sa 44C nhar it-Tlieta.
It-temperaturi se jibdew jogħlew matul tmiem il-ġimgħa u mhux eskluża mewġa ta’ sħana oħra, skont Rubén del Campo, kelliem għall-Aemet. L-aġenzija qalet li t-temperaturi għoljin jistgħu jżidu l-probabbiltà ta’ nirien fil-foresti l-ġimgħa d-dieħla u wissiet lill-anzjani u lil dawk bi problemi tal-qalb biex joqogħdu aktar attenti fis-sħana ta’ matul il-jum.
L-Aemet qalet li x-xahar li għadda kien it-tieni l-aktar Ġnju sħun irreġistrat – li nqabeż biss minn Ġnju tal-2025 – b’temperatura medja li kienet 3.2C ogħla minn dik normali.
Ix-xjentisti sostnew li l-mewġa tas-sħana, li kienet l-aktar waħda severa u mifruxa li laqtet l-Ewropa tal-Punent, kienet possibbli biss minħabba l-kriżi klimatika kkawżata mill-ħruq tal-fjuwils fossili.
Ċfri proviżorji minn Spanja u Franza juru li madwar 1,000 persuna tilfu ħajjithom f’kull pajjiż minħabba s-sħana estrema. Skont id-dejta mis-sistema ta’ monitoraġġ tal-mortalità ta’ kuljum tal-ministeru tas-saħħa Spanjol, kien hemm 1,029 mewta aktar attribwibbli għal temperaturi għoljin f’Ġnju.
L-aġenzija tas-saħħa pubblika ta’ Franza nhar il-Ħadd qalet li l-mewġa ta’ sħana ta’ 10 ijiem fl-aħħar ta’ Ġnju, li l-esperti qalu li kienet l-aktar estrema li qatt esperjenza l-pajjiż, ikkawżat madwar 1,000 mewta addizzjonali meta mqabbla max-xhur ta’ qabel bejn l-24 u t-28 ta’ Ġnju, iżda wissiet li ċ-ċifra ma kinitx kompluta. L-għadd finali tal-vittmi għadu ma ġiex rilaxxat.
Is-servizz ta’ emerġenza medika SOS-Médecins ħabbar li rreġistra żieda ta’ 85% fl-imwiet fost persuni ta’ aktar minn 75 sena matul l-aħħar ġimagħtejn ta’ Ġnju. B’kollox mietu 513-il persuna anzjana matul il-ġimgħa tat-22 ta’ Ġnju, meta mqabbel ma’ 278 fil-ġimgħa ta’ qabel.
It-telefonati u s-sejħiet ta emerġenza mill-grupp ta’ età ta’ aktar minn 75 sena, l-aktar minħabba temperatura għolja u ansjetà, żdiedu b’14%. L-għadd ta’ nies tal-istess grupp ta eta li nżammu l-isptar żdied b’19%. It-telefonati għal puplesija kawża tas-sħana u deidrazzjoni żdiedu b’480% u 315% rispettivament.


