Friday, July 3, 2026

Sal-ewwel nofs ta’ din is-sena, l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi wettqet riġenerazzjoni fi 19-il lokalità

Aqra wkoll

L-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi wettqet xogħlijiet ta’ manutenzjoni, tisbiħ u riġenerazzjoni fi 19-il lokalità differenti madwar Malta matul l-ewwel sitt xhur tal-2026, li inkludew 14-il ġnien, spazju rikreattiv u playing field.

Dan tħabbar waqt żjara li l-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, għamlet fi Ġnien iċ-Ċrieki fiż-Żejtun, wieħed mis-siti li bbenefikaw minn dawn l-interventi, tant li x-xogħlijiet ta’ tisbiħ issa jinsabu fl-aħħar fażijiet.

Bejn Jannar u Ġunju 2026, l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi intensifikat il-ħidma tagħha favur il-komunitajiet lokali, fejn fost l-ispazji miftuħa li bbenefikaw minn dawn l-interventi hemm Ġnien l-Imtarfa fl-Imtarfa, Pjazza Meme Scicluna u Misraħ Turu Colombo fil-Gżira, il-Recreational Garden f’Ħal Lija, Ġnien iċ-Ċiniżi f’Santa Luċija, Ġnien Duminku Mintoff u Ġnien Triq il-Melita f’Raħal Ġdid, Ġnien Fleur de Lys f’Birkirkara, Ġnien Kunsill Lokali 2000 f’Ħal Tarxien, Ġnien Anton Debono f’Ħaż-Żebbuġ, Ġnien Bertu u San Tumas f’San Pawl il-Baħar, Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema u Ġnien Joseph A. Stellini f’Ħal Balzan.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dawn il-proġetti huma xhieda tal-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-komunitajiet lokali u fl-ispazji pubbliċi li jintużaw kuljum mill-familji Maltin u Għawdxin.

“Huwa permezz ta’ investimenti bħal dawn li qed nagħtu lura lill-komunitajiet tagħna spazji ta’ kwalità fejn il-familji, it-tfal u l-anzjani jistgħu jqattgħu l-ħin tagħhom f’ambjent aktar sigur, nadif u attraenti”, sostniet il-Ministru Zerafa Civelli. Waqt li rringrazzjat lill-ħaddiema ta din l-Aġenzija, il-Ministru spjegat li l-ħidma tagħhom hija parti mill-viżjoni tal-Gvern li tkompli ssaħħaħ il-qalba tal-lokalitajiet tagħna u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi Dennis Vella, spjega li din l-Aġenzija ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat tagħmel xogħlijiet fi Ġnien iċ-Ċrieki fiż-Żejtun, xogħlijiet li qed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun. Huwa spjega li x-xogħlijiet jikkonsistu f’tiswijiet ta’ ħitan, kisi u żebgħa. Saru wkoll tiswijiet fuq l-art u numru ta’ bankijiet.

Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius li spjegat li tisbiħ ta’ dan il-ġnien huwa parti minn xogħlijiet oħra li l-Kunsill Lokali u l-Aġenzija qed jaħdmu fuqhom biex il-komunità lokali jkollha spazju miftuħ aktar akkoljenti għat-tgawdija mill-familji li jżuru dawn il postijiet rikreattivi.

Minbarra l-manutenzjoni tal-ispazji pubbliċi, l-Aġenzija kompliet tagħti appoġġ dirett lill-komunitajiet permezz tas-servizz ta’ trasport, armar u żarmar tal-istalls użati waqt attivitajiet soċjali u kulturali. Matul l-istess perjodu, dawn is-servizzi ngħataw f’33 lokalità differenti madwar il-pajjiż. Iċ-ċifri juru l-firxa tal-interventi mwettqa mill-Aġenzija bejn Jannar u Mejju 2026, fejn saru xogħlijiet fuq 341 bank, 28 arblu tad-dawl, 27 planter, aktar minn 9,200 metru ta’ elementi ta’ tisbiħ urban, aktar minn 2,100 metru ta’ railings, kif ukoll manutenzjoni fuq 98 struttura oħra relatata ma’ sinjali, mirja, bollards u bins. Barra minn hekk, ġew ipprovduti 653 bankarelli li jintużaw għal attivitajiet soċjali organizzati minn kunsilli lokali u għaqdiet fil-komunità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport