Friday, July 3, 2026

30 parteċipant minn 16-il pajjiż jingħaqdu f’Malta għas-sessjoni prattika tal-Judo

Aqra wkoll

Malta kompliet tikkonsolida r-rwol tagħha bħala ċentru internazzjonali għall-edukazzjoni fl-isport hekk kif laqgħet is-sessjoni prattika tal-kors Judo for Self Defence Instructor, organizzat mill-IJF Academy Foundation. Is-sessjoni, li qed issir bejn it-2 u l-4 ta’ Lulju fil-Malta Judo Academy f’Pembroke, tiġbor flimkien 30 parteċipant minn 16-il pajjiż differenti sabiex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom fil-qasam tal-Judo għad-difiża personali.

Din hija l-147 sessjoni prattika organizzata mill-IJF Academy Foundation sa mill-2013, fatt li jkompli jikkonferma t-tkabbir u l-firxa internazzjonali tal-programmi edukattivi tagħha.  

Għall-ftuħ tas-sessjoni attenda l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, li ltaqa’ mal-parteċipanti u enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u l-isport bħala żewġ pilastri ewlenin għall-iżvilupp tal-individwu u tas-soċjetà.

“L-edukazzjoni u l-isport jimxu id f’id. Permezz ta’ inizjattivi internazzjonali bħal din qed noħolqu aktar opportunitajiet biex jissaħħu l-ħiliet, jiġi promoss l-iskambju ta’ għarfien u Malta tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċentru internazzjonali għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-isport,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-President tal-Malta Judo Federation u Chair tal-IJF Academy Foundation, Envic Galea, laqa’ lill-parteċipanti u sostna li din is-sessjoni tkompli tikkonferma r-rwol ta’ Malta bħala ċentru akkademiku għall-Judo, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u l-iżvilupp professjonali fi ħdan l-isport.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Ġenerali tal-International Judo Federation, Dr Lisa Allan, enfasizzat il-valur tal-kors Judo for Self Defence Instructor, li jippromwovi l-Judo mhux biss bħala dixxiplina sportiva, iżda wkoll bħala għodda għall-edukazzjoni, id-difiża personali, id-dixxiplina u l-iżvilupp personali.

L-IJF Academy Foundation hija l-unika istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja marbuta ma’ federazzjoni Olimpika internazzjonali u hija rikonoxxuta mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja (MFHEA). Sa mit-tnedija tagħha, aktar minn 4,000 student minn 170 pajjiż madwar ħames kontinenti ggradwaw mill-programmi tagħha, u b’hekk tkompli tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru internazzjonali għall-edukazzjoni sportiva.  

 Matul il-jiem li ġejjin, il-parteċipanti se jkomplu s-sessjonijiet prattiċi tagħhom taħt il-gwida ta’ tliet esperti ta’ fama internazzjonali – l-ex Champions tad-Dinja Florin Daniel Lascau mir-Rumanija u Daniela Krukower mill-Arġentina,  u Tina Trstenjak mis-Slovenja li rebħet il-medalja tad-deheb fil-Logħob Olimpiku ta’ Rio de Janeiro fl-2016 u l-medalja tal-fidda f’Tokjo fl-2020 – li se jaqsmu l-esperjenza u l-kompetenzi tagħhom mal-parteċipanti, bil-għan li jkomplu jiżviluppaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ istrutturi tal-Judo għad-Difiża Personali.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport