Wednesday, April 24, 2024

It-tennista Ġappuniża Naomi Osaka tirtira mill-Open tal-Awstralja għax qed tistenna tarbija

Aqra wkoll

It-tennista Ġappuniż, Naomi Osaka, se titlef il-kumplament tal-istaġun wara li ħabbret li hija qed tistenna tarbija. 

Osaka, rebbieħa ta’ erba’ Grand Slams, il-ġimgħa li għaddiet  irtirat mill-Open tal-Awstralja, li se jingħata bidu proprju nhar it-Tnejn li ġej, mingħajr ma ngħatat l-ebda raġuni uffiċjali … iżda nhar l-Erbgħa hija tat l-evidenza għad-deċiżjoni tagħha billi poġġiet ritratt ta’ scan ta’ tarbija fuq Instagram. 

“Ninsab ħerqana li nirritorna għal-logħba iżda għandi aġġornament għal dan l-istaġun,” kienet tgħid l-istqarrija.

Hija żiedet tgħid: “L-aħħar ftit snin kienu interessanti iżda, bla dubju, iż-żmien li ġej se jkun ta’ sfida u aktar divertenti.  

“Dawn il-ftit xhur  ‘il bogħod mill-isport tassew tawni imħabba u apprezzament għal-logħba li ddedikajt ħajti għaliha. 

“Nirrealizza li l-ħajja hija daqshekk qasira u għaldaqstant napprezza kull mument għax kull ġurnata hija barka u avventura ġdida.

“Naf li għandi ħafna x’inħares ‘il quddiem fil-futur … u ħaġa waħda li qed nistenna hi li t-tarbija tiegħi tara waħda mil-logħbiet tiegħi u tgħid lil xi ħadd … ‘dik hi ommi,’.

“L-2023 se tkun sena mimlija lezzjonijiet għalija u nittama li nirritorna għat-tournament tiegħi li jmiss … dak tal-Open tal-Awstralja tal-2024.”

Sport