Tuesday, July 7, 2026

It-Tifun Bavi jolqot il-gżejjer tal-Paċifiku tal-Istati Uniti

Aqra wkoll

Waqt li partijiet kbar tal-kontinent Ewropew għaddejjin minn mewġiet ta’ sħana estrema li diġà ħallew eluf ta’ persuni mejta, fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku, il-gzejjer tal-Paċifiku ntlaqtu minn tifun ta’ rjieħ qawwija, xita qalila u mewġ għoli sa 11-il metru.

Din il-maltempata qed tolqot lil Guam u l-Gżejjer Mariana tat-Tramuntana hekk kif is-super tifun Bavi qed iħalli l-effetti diżastrużi tiegħu fuq l-art bi rjieħ qwwija jonfħu u li laħqu veloċità ta’ kważi 290km fis-siegħa u buffuri ta’ 350km.

National Weather Service (NWS) tal-Istati Uniti wissa li t-tempesta perikoluża ħafna tista’ tikkawża ħsara katastrofika, b’mewġ potenzjalment ta’ kważi 11-il metru (35pied) għoli. 

Ir-reġjun tal-Paċifiku tal-Punent huwa partikolarment suxxettibbli għal ċikluni tropikali. Filwaqt li maltempati ta’ din is-saħħa mhumiex tas-soltu għall-gżejjer tal-Istati Uniti, ix-xjentisti jgħidu li t-tibdil fil-klima qed iżid l-intensità tat-tifuni.

Fil-Gżejjer Mariana tat-Tramuntana, Rota – l-aktar gżira abitata fin-nofsinhar, madwar 50km fil-grigal ta’ Guam – qed tintlaqat direttament, skont l-NWS. Is-sindku tal-post ippubblika avviż li jħeġġeġ lir-residenti biex jippreparaw għal “irjieħ distruttivi”, u żied iwissi li l-kundizzjonijiet huma mistennija li jiddeterjoraw malajr, u jagħmluha aktar perikoluża għal min ikun barra.

F’Saipan, fit-tramuntana ta’ Rota, ġew irreġistrati rjieħ qawwija ta’ aktar minn 161km (100 mph) fl-ajruport, u ħafna nies fuq il-gżira ilhom mingħajr dawl elettriku mill-aħħar super tifun Sinlaku, li laqat lil Guam u l-Gżejjer Mariana tat-Tramuntana li f’April li għadda qatel 17-il persuna u kkawża madwar $1.5 biljun fi ħsarat.

Fi Guam, li ġeneralment hija destinazzjoni turistika mimlija xemx b’popolazzjoni ta’ madwar 170,000 ruħ, infetħu ħames ċentri ta’ evakwazzjoni fl-iskejjel. Dawn is-siti għandhom kapaċità massima ta’ madwar 1,700 u huma primarjament maħsuba għal persuni vulnerabbli.

L-uffiċċju tad-difiża ċivili tal-gżira qal nhar il-Ħadd li wieħed mis-siti ta’ evakwazzjoni kien diġà laħaq il-kapaċità massima u li n-nies kienu qed jiġu diretti lejn sit ieħor.

Bavi ġie kklassifikat bħala super-tifun mill-Joint Typhoon Warning Center (JTWC), parti mill-militar tal-Istati Uniti responsabbli għall-monitoraġġ tal-maltempati tropikali fil-Punent tal-Paċifiku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport