Hekk kif l-istaġun tal-festi beda jirranka, matul din il-ġimgħa qed tiġi ċċelebrata l-Festa ta’ San Ġuzepp f’Ħal Kirkop bil-qofol jintlaħaq matul it-tmiem il-ġimgħa li ġej.

Nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju, is-Sezzjoni Żgħażagħ Ġużeppini fi ħdan is-Soċjetà Mużikali San Gużepp, ser tkun qed tfakkar it-30 Anniversarju mit-twaqqif tagħha b’Marċ Kbir mid-9.00 p.m. ’il quddiem, u li jilħaq il-qofol tiegħu għall-ħabta tal-10.30 p.m. fiċ-ċentru tar-raħal. Tieħu sehem il-Banda Santa Katarina V.M taż-Żurrieq, ikun hemm ħruq ta’ murtali, inawgurazzjoni ta’ Proġett Artistiku ghall-Armar, Nar Sinkronizzat mal-muzika, il-briju tal-Partitarji Ġużeppini, Feature awdjo-viziv u jieħdu sehem il-kantanti Amber Grace, Kevin Paul Calleja u DJ Filletti. Tassew lejla li mhux ta’ min jitlifha.

Il-Festa tissokta l-għada s-Sibt 11 ta’ Lulju bl-Ispettakli tan-Nar tal-Ajru, tal-Art u Sinkronizzat mal-Mużika, li dil-Festa tant rinomata għalihom. Il-Ħadd 12 ta’ Lulju, Jum il-Festa jintlaħaq il-qofol bil-funzjonijiet fil-Knisja, il-marċ ta’ waranofsinhar, u l-Purċissjoni mat-toroq karatteristiċi tar-raħal fost il-baned u l-logħob tan-nar.
Esperjenza ta’ festa tradizzjonali f’wieħed mill-aktar irħula antiki u pittoreski ta’ pajjiżna!

