Tuesday, July 7, 2026

Raġel jibqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat b’allegat abbuż sesswali fuq minuri f’Għawdex

Aqra wkoll

Raġel ta’ nazzjonalità barranija, iżda residenti x-Xewkija Għawdex baqa’ jinżamm arrestat wara ġie akkużat quddiem il-Qorti b’allegat abbuż sesswali fuq minuri.

Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-imputat li għandu 28 sena kien wettaq abbuż sesswali f’dar f’Kerċem fuq tfajla ta’ 17-il sena.

Jirriżulta li t-tfajla hija wkoll ta’ nazzjonalità barranija, iżda tkun sikwit Għawdex biex tkun tista’ żżur qraba tagħha li jgħixu fil-gżira.

Il-Prosekuzzjoni qalet li f’Novembru tas-sena li għaddiet il-Pulizija rċiviet rapport mingħand persuna qrib ħafna l-allegat vittma li kien seħħ abbuż sesswali fuq il-minuri. L-allegat abbuż sesswali kien seħħ fil-lejl ta’ bejn is-6 ta’ Settembru u s-7 tal-istess xahar tas-sena li għaddiet meta l-vittma kienet Għawdex.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga dan il-każ fejn wara li ġew stabbiliti l-fatti kollha rriżulta li kienet seħħet attività sesswali fuq il-minuri mingħajr il-kunsens tagħha. Kien għalhekk li ntalab mandatt ta’ arrest fil-konfront tal-imputat biex ikun jista’ jiġi interrogat.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-fatt li l-imputat m’għandu l-ebda rabta mal-gżejjer Maltin. Kien għalhekk li l-Maġistrat Jean Paul Grech ċaħad it-talba u ordna li l-imputat jibqa’ jinżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Dr Mirayiah Borg u Dr  Tilden Tabone f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Mario Xiberras.

Id-difiża kienet imexxija mill-avukata Maria Bartoli Dimech filwaqt li Dr Frank Anthony Tabone deher għal parte civile.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport