Tuesday, July 7, 2026

Il-Kunsill Malti għall-Arti jsaħħaħ opportunitajiet internazzjonali għall-produtturi ta’ films Maltin

Il-masterclass ta’ pjan direzzjonali dwar il-koproduzzjoni li seħħet riċentament jagħmel parti minn programm usa’ ta’ inizjattivi li jappoġġjaw il-koproduzzjoni, l-istrateġiji għall-udjenza, u opportunitajiet internazzjonali għal professjonisti tal-iskrin lokali.

Aqra wkoll

Il-Kunsill Malti għall-Arti riċentament organizza Masterclass ta’ Pjan Direzzjonali dwar il-Koproduzzjoni għal produtturi u għal produtturi ta’ films Maltin bil-ħsieb li joffri appoġġ lil professjonisti tal-iskrin lokali permezz ta’ għarfien prattiku li hu meħtieġ biex jiżviluppaw koproduzzjonijiet internazzjonali, isaħħu strateġiji ta’ finanzjar, u jibnu sħubiji kreattivi iżjed effettivi.

L-inizjattiva tagħmel parti mill-ħidma usa’ tal-Kunsill biex jagħtu s-settur lokali tal-films bażijiet professjonali iktar sodi, jgħinu lill-produtturi u produtturi tal-films javvanzaw mill-iżvilupp ta’ proġetti individwali għal ippjanar iktar b’saħħtu u fit-tul, ikunu iżjed ippreparati biex joħolqu proġetti, u biex ikun hemm kollaborazzjoni iktar sostenibbli lil hinn minn xtutna.

Il-masterclass attira interess qawwi mis-settur u ġew riċevuti 28 applikazzjoni. Il-masterclass tmexxa minn Jennifer Sabbah-Immagine, il-fundatriċi ta’ The Copro Agency, li għandha esperjenza internazzjonali estensiva fil-koproduzzjoni, il-liġi awdjoviżiva, affarijiet kummerċjali, l-iżvilupp ta’ proġetti u oqsfa legali internazzjonali.

Il-programm offra lill-parteċipanti pjan direzzjonali prattiku biex jibdew u jistrutturaw il-koproduzzjonijiet. Is-sessjonijiet koprew l-oqsfa legali u finanzjarji, koproduzzjonijiet uffiċjali u mhux uffiċjali, sorsi internazzjonali ta’ finanzjament, sħubiji kollaborattivi u trasparenti, l-għarfien kulturali, il-prattika etika, u n-negozjar ta’ termini ewlenin.

L-inizjattiva kienet tinkludi wkoll konsultazzjonijiet diretti u personali fejn il-produtturi u l-produtturi tal-films setgħu jirċievu feedback iktar adattat għall-proġetti tagħhom. Dan il-format iffukat għen lill-parteċipanti biex iħossuhom iktar kunfidenti fil-proġetti tagħhom, biex jevitaw żbalji komuni fil-kollaborazzjoni internazzjonali u biex jiżviluppaw mogħdiji iktar ċari dwar kif jaħdmu ma’ msieħba barra minn Malta.

Il-Kap tat-Taqsima għall-Iżvilupp u l-Istrateġija tal-Films Domestiċi, is-Sa Lyona Xuereb Gatt, qalet, “Parti importanti ħafna tal-ħidma tal-Unità tal-Films Domestiċi hija l-inizjattivi ta’ taħriġ tagħha. Qed nipparteċipaw b’mod attiv ma’ istituzzjonijiet ewlinin tal-films u nikkolaboraw magħhom, li dawn jistgħu jipprovdu t-tip ta’ taħriġ xieraq li hu adattat għall-ħtiġijiet ta’ Malta u għall-iżvilupp tal-industrija lokali tagħna.

Permezz tal-avvenimenti u konsultazzjonijiet preċedenti tagħna, identifikajna li kien hemm domanda kbira għal gwida fir-rigward tal-koproduzzjonijiet. Irċevejna ħafna mistoqsijiet u nnutajna li kien għad hemm bosta ideat żbaljati u inċertezzi dwar il-proċess – x’tinvolvi l-koproduzzjoni, kif taħdem fil-prattika, u kif il-produtturi jistgħu jinnavigawha b’suċċess.

Kienet preċiżament għal din ir-raġuni għalfejn iddeċidejna li niżviluppaw il-Pjan Direzzjonali dwar il-Koproduzzjoni biex nipprovdu ċarezza, gwida prattika, u mogħdija strutturata għall-produtturi u għall-produtturi tal-films li jixtiequ jesploraw opportunitajiet ta’ koproduzzjoni.”

Il-masterclass huwa wieħed minn bosta inizjattivi li qed jiġu żviluppati għall-produtturi u għall-produtturi ta’ films Maltin. Iżjed opportunitajiet li ġejjin jinkludu workshops dwar l-Iżvilupp tal-Udjenzi. Dan il-workshop se jsir fil-Belt Valletta f’Ottubru 2026 u se jappoġġa kumpaniji Maltin ta’ produzzjoni magħżula biex jidentifkaw udjenzi potenzjali, x’inhu jattira lis-suq, u strateġiji ta’ komunikazzjoni għal proġetti ta’ tul ta’ film li qed jiġu żviluppati bħalissa.

Il-workshops, li huma mmexxija mill-konsulent magħruf fuq l-iżvilupp tal-udjenzi, Síle Culley huma miftuħa għal kumpaniji ta’ produzzjoni Maltin li rċevew finanzjament għall-Iżvilupp fl-2024 jew fl-2025 u li qed jaħdmu fuq proġett ta’ tul ta’ film maħsub għas-suq lokali jew għall-koproduzzjoni. L-applikazzjonijiet jagħlqu nhar it-Tnejn l-10 ta’ Awwissu u l-workshops se jsiru fuq jumejn, jew fis-sessjoni tas-6 u s-7 ta’ Ottubru, jew fit-8 u fid-9 ta’ Ottubru 2026.

Se jitħabbru dalwaqt iżjed inizjattivi u sejħiet immirati lejn il-produtturi u l-produtturi tal-films Maltin. Għal iżjed informazzjoni, żur https://artscouncilmalta.gov.mt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport