Malta tinsab fuq quddiem nett tal-pajjiżi li joffru servizzi ta’ proċeduri medikament assistiti. Mir-rapport annwali tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni joħroġ li fl-2025 kellna rekord ta’ tqaliet mill-IVF. F’dawk li huma għall-ewwel darba, ġiet irreġistrata pregnancy rate ta’ kważi 58% li tfisser ftit iżjed minn 11% fuq dak miksub fl-2024.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Ian Borg f’diskors li għamel fil-Parlament waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni għas-sena finanzjarja 2026.
Dr Borg spjega li n-numru ta’ proċeduri ta’ riproduzzjoni assistita li saru f’Malta matul is-sena li għaddiet żdied b’mod konsiderevoli. L-Awtorità rċeviet total ta’ 2,049 talba għall-approvazzjoni. Saru total ta’ 774 proċedura tal-IVF li minnhom kien hemm 249 tqala.
Dr Borg qal li s-suċċess f’dan il-qasam huwa wieħed wiesgħa imma fuq kollox ifisser li kellna suċċess kważi d-doppju tal-medja Ewropea. “Dik fl-aħħar mill-aħħar tfisser ukoll li kellna iżjed persuni li dejjem ħolmu li jsiru ġenituri u ħajjiet ġodda,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Huwa tenna li dan ifisser rekord nazzjonali ġdid għal pajjiżna minħabba li f’dik is-sena twieldu 254 tarbija biex issa n-national take home baby rate hi ta’ 45%, żieda ta’ aktar minn 9% fuq is-sena preċedenti jew żieda ta’ 27% meta kkumparat mal-2013.
“Waqt li nirrikonoxxu dan is-suċċess, fadal ħafna xi jsir,” qal id-Deputat Prim Ministru fil-Parlament. “Tajjeb li ninvestu fir-riżorsi kemm umani kif ukoll finanzjarji tal-Awtorità.”
Id-Deputat Prim Ministru kompla jgħid li l-manifest elettorali li l-poplu vvota fuqu u għalih – Int Malta – isemmi wkoll l-IVF. “Jirreferi għall-PGTM li se nkunu qed inwessgħu f’dawn l-ewwel 100 jum. Jirreferi wkoll fl-investiment li għamilna fl-ART Clinic, għall-mediċini b’xejn, għar-rati ta’ suċċess, fuq kollox meta qed inwiegħdu li se nagħtu għajnuna lil min ikun qed jistenna tarbija fis-seba’ xahar, u lil min se jkun qiegħed jilqa’ wlied ġodda f’dak li għandu x’jaqasam il-leave tal-maternità u l-paternità.
“Fl-aħħar mill-aħħar wegħda ewlenija tagħna hi li nkunu viċin in-nies f’kull pass ta’ ħajjithom b’mod partikolari meta jkunu qed jistennew l-ulied u meta – iżjed u iżjed – jekk għandhom bżonn l-assistenza sabiex jaslu hemm,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.

