Sunday, December 22, 2024

It-tiġieġ u s-sriedak tax-Xemxija mietu minħabba “stress ikkaġunat mis-sħana”

Aqra wkoll

Kien fid-29 ta’ Ġunju li għadda meta x-xena li bosta kienu jitpaxxew jaraw filgħodu bi sriedak, tiġieġ u anke xi flieles igerfxu biex jaraw ilaqqtux x’jieklu fir-roundabout tax-xemxija nbidlet f’dik li kienet deskritta bħala massakru, b’ħafna minn dawn l-annimali mitluqin bla ħajja.

Iżda hekk kif reġa’ fetaħ il-Parlament wara l-vaganzi tas-Sajf, id-Deputat tal-Oppożizzjoni Graziella Galea, staqsiet lil Anton Refalo, Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali biex jagħti tagħrif jekk id-dipartiment li jaqa’ taħtu wettaqx investigazzjoni dwar ir-raġuni li wasslet biex numru ta’ tiġieġ u sriedaq instabu mejta fl-inħawi tax-Xemxija, fiż-żona tal-Ġnien Olimpiku.

Il-Ministru Refalo qal li kienet saret investigazzjoni u rriżulta li l-mortalità tat-tiġieġ kienet minħabba l-istress ikkaġunat mis-sħana, flimkien ma insuffiċjenza ta’ kwalità u iġjene ta’ l-ilma u l-għalf. Ir-riżultat tat-testijiet għas-salmonella u l-influwenza tat-tjur ġew negattivi.

Dakinhar li kienu nstabu t-tiġieġ mejta kienu anke marru uffiċjali tal-pulizija fuq il-post biex ikunu jistgħu jinvestigaw jekk kienx hemm xi ħadd li qatel l-istess annimali.

Ħafna ħasbu li dawn kienu ġew ivvelenati jew maqtulin apposta, tant li fost il-kummenti li spikkaw meta seħħ il-każ kien hemm bosta li kkundannaw dan l-aġir u sostnew li jeħtieġ li tittieħed azzjoni għax jekk mhux se jiħraxu l-multi f’każ li persuna jinqabad jaħqar l-annimali, sitwazzjonijiet bħal dawn se jibqgħu jirrepetu ruħhom.

Ekonomija

Sport