Wednesday, July 24, 2024

MAFA: Iċ-champions Senglea Gunners bl-ewwel rebħa staġjonali

Aqra wkoll

Iċ-champions Senglea Gunners irritornaw għar-rebħ fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara li għelbu lil Valletta Stars St Dominic bl-iskor ta’ 1-0.

It-tim mill-Kottonera kien għadu ġej minn żewġ telfiet konsekuttivi kontra Valletta St Paul’s l-ewwel fil-Joe Compagno Cup imbagħad fil-kampjonat u għalhekk riedu jikkonfermaw li se jkunu fost il-kontendenti għar-rebħ tat-titlu.

Minkejja kollox, huma sabu lil Valletta Stars ferm motivati b’dawn tal-aħħar li kienu sfortunati li ma ħarġux b’punt minn din il-partita.

L-uniku gowl tal-logħba ġie skorjat fid-69 minuta minn Ousman Touray wara li rċieva tajjeb minn freekick, bid-difiża Beltija maqbuda fuq sieq waħda.

Referee kien Sillah Al Hasana

It-tim promoss ta’ Swieqi Braves kiseb rebħa komda ta’ 2-0 kontra San Ġwann Pro Evolution Academy sabiex irreġistra l-ewwel rebħa fl-ogħla diviżjoni.

Min-naħa tagħhom, San Ġwann kienu qed isofru t-tieni telfa konsekuttiva wara dik kontra Marsa St Michael fl-ewwel ġurnata.

Swieqi marru minn fuq fis-17-il minuta permezz ta’ Lucas dos Santos sabiex Bruno Menezes irdoppja l-iskor tliet minuti mit-tmiem il-konfront.

Referee kien Lorry Sammut.

Gudja Wanderers huma l-leaders assoluti tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni minkejja draw ta’ 1-1 kontra Mqabba Albions.

Kienet logħba movimentata b’Gudja li bdew tajjeb iżda bi Mqabba li baqgħu jagħfsu sabiex ma joħorġux b’idejhom vojta minn din il-partita.

Damian Callus poġġa lill-Gudjani minn fuq wara tliet minuti logħob b’Dino Colic li ġab l-iskor indaqs żewġ minuti minn tmiem il-partita.

Referee kien Alex Grech.

It-tim promoss ta’ Attard Edex Kings għeleb lil Żebbuġ Youngsters 1-0.

Il-gowl uniku li ddeċieda l-konfront ġie skorjat lejn l-aħħar tal-konfront minn Kiran Das Valikkatu.

Żebbuġ Youngsters ippruvaw iwettqu reazzjoni sabiex iġibu l-iskor indaqs iżda Attard żammew sod fid-difiża sabiex ħadu tliet punti li jiswew mitqlu deheb.

Referee kien Reno Galea.
Ħamrun Amateurs kisbu rebħa tennistika ta’ 6-1 kontra Kalkara Flames fl-unika logħba li kellna mit-tielet diviżjoni.

Kif jindika l-iskor, il-Ħamruniżi ddominaw din il-logħba mill-bidu sal-aħħar fejn stabilixxew vantaġġ ta’ tliet gowls sal-ewwel nofs siegħa logħob.

Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel bl-Amateurs li kkontrollaw il-logħba u b’Kalkara li għallinqas irnexxielhom inaqqsu l-marġni tal-iskor.

Josef Zammit skorja doppjetta għall-Ħamrun filwaqt li Alex Gomes Verala, Andriy Camilleri, Mauro Busuttil u Grigorios Lampropoulos żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Shylon Mangion naqqas il-marġni tal-iskor għal Kalkara Flames.

Referee kien CJ Saliba.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Swieqi Braves 4, San Ġiljan Saints, Marsa St Michael’s, Valletta St Paul’s, Senglea Gunners 3, Valletta Stars 1, Balluta Barracudas, San Ġwann Pro Evolution Academy 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Gudja Wanderers 4, Għaxaq Wolves, Ta’ Ġiorni Wanderers, Attard Edex Kings 3, Mqabba Albions 2, Birkirkara St Joseph 1, Żebbuġ Youngsters, Buġibba Club de SWAT 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħamrun Amateurs, Ħal Far Titans, Naxxar Victorians 3, Mosta Vikings, Kalkara Flames 0.

Ekonomija

Sport