Monday, May 13, 2024

Futsal: Luxol b’rebħa diffiċli kontra Swieqi

Aqra wkoll

Iċ-champions tal-futsal lokali Luxol St Andrew’s bdew id-difiża tat-titlu bl-aqwa mod possibbli wara li għelbu lil Swieqi United Futsal 3-1.

Ma kinitx logħba faċli għat-tim immexxi minn Gabriel Dobre li wara li stabilixxa vantaġġ ta’ żewġ gowls, ra r-reazzjoni ta’ Swieqi fit-tieni taqsima fejn wara li skorjaw il-gowl tal-bandiera, bdew jattakkaw u kienu żvinturati li ma ħadux għallinqas punt minn dan il-konfront. Minkejja kollox, Luxol skorjaw lejn l-aħħar sabiex aċċertaw ruħhom mit-tliet punti.

Mark Zammit skorja doppjetta għat-tim minn St Andrew’s filwaqt li l-akkwist il-ġdid Jefferson Breno żied ieħor għat-tim tiegħu.

Andrew Abela żamm ftit tama għal Swieqi United wara li skorja gowl tajjeb.

University of Malta ACJ Group kellhom rebħa komda ta’ 11-2 kontra Marsaskala Futsal.

Steven Camilleri u Guillherme Fonseca kienu l-protagonisti għall-Universita’ meta skorjaw erba’ gowls kull wieħed filwaqt li Kaue Meggiato, Melvin Borg u Dale Valletta wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Marsaskala skorjaw żewġ gowls minn Owen Duca u awtogowl ta’ Guillherme Fonseca.

Ta’ Xbiex Futsal bdew l-impenji tagħhom b’mod pożittiv wara skor kbir ta’ 14-1 kontra Gżira United Santa Margheita.

Ta’ Xbiex kellhom lil George Frendo awtur ta’ erba’ gowls bi Glenn Bonello jiskorja hat-trick. Bernardo Rosa, Stefi Cale u Christian Wismayer sabu x-xibka darbtejn kull wieħed b’Matthias Camilleri li ssiġġilla r-rebħa finali għat-tim tiegħu.

Ayrton Duncan skorja l-uniku gowl għall-Gżirjani.

ŻRQ Bormla kellhom bidu b’saħħtu tal-istaġun wara li għelbu lit-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena 10-0.

Karl Luke Schembri, Darko Ristic, Jovica Milijic u Karl Sciortino kienu awturi ta’ żewġ gowls kull wieħed b’Matthew Scicluna u Claudio Venuto jkunu wkoll fost l-iskorers.

Birżebbuġa St Peter’s kellhom ritorn pożittiv fil-kompetizzjonijiet tal-futsal lokali wara rebħa ta’ 5-1 kontra t-tim nazzjonali Malti ta’ taħt it-18-il sena.

Julien Bollard skorja żewġ gowls filwaqt li Antonello Demanuele, Isaac Ciranna u David Jimenez niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Xylon Mercieca skorja l-gowl tal-konsolazzjoni għall-Maltin.

Finalment, Sliema Wanderers fir-ritorn tagħhom fil-futsal kisbu l-ikbar rebħa tal-ġurnata wara skor ta’ 21-1 kontra Santa Venera.

Fost l-iskorers f’din ir-rebħa kbira kien hemm Kevin Sammut, Wallace Oliveira, Benjamin Battistino, Nigel Zammit, Dylan Attard, Giuseppe Barone, Andrea Rufa, Andrea Thiago Rodriguez u Jean Lopez.

Sport