Saturday, May 4, 2024

It-tilqima tal-Pfizer… sigura u effettiva għal tfal ta’ bejn 5 u 11-il sena

Se ssir talba lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fost tobba Maltin hemm nuqqas ta’ qbil dwar jekk għandhiex tingħata t-tilqima tal-Pfizer lil tfal ta’ bejn 5 u 11-il sena, u dan wara li lbieraħ Pfizer u BioNTech ħabbru li t-tilqima tal-Covid-19 tal-Pfizer hi sigura u effettiva fuq it-tfal. Sa issa l-Gvern Malti għadu ma esprimiex ruħu dwar dan u x’se jkun il-pass li jmiss meta tinħareġ l-approvazzjoni uffiċjali.

Dan is-sit tkellem ma’ diversi tobba lbieraħ fejn dawn  jidher li se jistennew l-approvazzjoni uffiċjali.  Dan waqt li huma diversi dawk li qed isostnu li la jkun hemm l-approvazzjoni għal dawk bejn 5 u 11-il sena jemmnu li din għandha tingħata biex b’hekk it-tmiem tal-pandemija jersaq aktar fil-qrib. 

Jidher li hemm tobba oħra li qed jgħidu li l-ammont ta’ tfal li jiġu affettwati b’mod negattiv ħafna mill-virus hu wieħed baxx komparat ma’ kif jolqot lill-anzjani u dawk vulnerabbli, għalkemm hu fatt magħruf li f’pajjiżi barranin fosthom l-Istati Uniti kien hemm tfal li spiċċaw vittmi tal-Covid-19.

Kien proprju fl-aħħar sigħat, li Pfizer u BioNTech ħabbru li t-tilqima tagħhom kontra l-Covid-19 hi sigura u effettiva fi tfal ta’ bejn 5 u 11-il sena.

Iċ-Ċermen u l-Kap Eżekuttiv ta’ Pfizer, Albert Bourla f’dikarazzjoni li  ħareġ qal li “ninsabu ħerqana ħafna li nestendu l-protezzjoni mit-tilqima lil dawk li għandhom bejn 5 u 11-il sena, ovvjament dejjem suġġett għal awtorizazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. 

“Aħna rajna l-mod kif infirex il-varjant Delta u t-theddida li dan jippossjedi għat-tfal.  Sa minn Lulju il-każi ta’ tfal li mardu bil-Covid-19 żdied b’240 fil-mija fl-Istati Uniti.  Dan wera li hemm bżonn ta’ tilqim”, jgħid il-Kap Eżekuttiv. 

Pfizer għamlet studji dwar it-tilqima tagħha u fih ħadu sehem 2,268 parteċipant. Dawn kienu tfal ta’ bejn 5 u 11-il sena. Minnu irrriżulta li t-tilqima ta’ Pfizer hi sigura, tollerata u turi li ħadmet kontra l-virus” intqal f’dikjarazzjoni li nħarġet. 

Il-pass li jmiss issa hu dak li l-kumpaniji Pfizer u BioNTech se jgħaddu din l-informazzjoni lil US Food and Drug Administration u lill-Awtorità tal-Mediċini Ewropea u minn hemm issir talba għal awtorizazzjoni għal użu ta’ emerġenza fl-Istati Uniti. 

Il-Kap Eżekuttiv Bourla saħaq li “mit-testijiet li saru hemm bażi qawwija ħafna biex nitolbu għal awtorizazzjoni biex it-tilqima tingħata lil dawk bejn 5 u 11-il sena. Qed nippjanaw biex nissottomettu it-talbiet tagħna.”

Hu spjega ukoll li għaddejjin testijiet u riċerka oħra, waħda fuq tfal bejn 2 u 5 snin u oħra għal tfal bejn 6  xhur u sentejn. Ir-riżultati tagħhom mistennija jinħarġu aktar tard din is-sena. 

Tobba Maltin se jistennew l-approvazzjoni qabel jesprimu ruħhom

Dwar dan dan is-sit tkellem ma’ diversi tobba. Il-kummenti tagħhom kienu li qabel jesprimu ruħhom dwar dan, ikun aktar opportun li jistennew l-ewwel deċiżjonijiet mill-Awtorità ta-Mediċini Ewropea.

“Nifhem li wara dak imħabbar se jsiru talbiet biex din l-injezzjoni tkun tista’ tingħata lil tfal ta’ bejn 5 u 11-il sena. Ikun għaqli li nistennew dak li se jgħidu l-awtoritajiet. Hu fatt li l-każi fost it-tfal żdiedu ħafna bil-varjant Delta. Nafu ukoll li l-varjant Delta wassal biex anke tfal jispiċċaw fil-kura intensiva. Il-fatt li jitlaqqmu it-tfal b’injezzjoni sigura se jkun pass importanti ħafna għat-tmiem tal-pandemija”.

Tabib ieħor qalilna li “nifhem li fit-tfal kien hemm żieda. Hu fatt ukoll li l-konsegwenzi mhumiex qawwija bħal dawk fuq persuni anzjani jew vulnerabbli. Naħseb li f’dan l-istadju, irridu nistennew kemm lill-awtoritajiet Amerikani u anke lil dawk Ewropej biex jesprimu l-pożizzjoni tagħhom wara li jsiru l-verifiki neċessaji ta’ dawk l-istudji”. Irrimarka li t-tilqima tal-Pfizer bħalissa hi uffiċċjalment approvata għal dawk minn sittax-il sena ‘l fuq u approvata  għal użu ta’ emerġenza għal dawk bejn 12 u 15-il sena. 

Sport