Wednesday, July 24, 2024

It-tim tal-MFA jirbaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena tat-tournament tradizzjonali ta’ Boxing Day

Aqra wkoll

It-tim tal-istaff tal-Malta Football Association (MFA) rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena tat-tournament tradizzjonali ta’ Boxing Day. Dan it-tournament għal darb’oħra organizzat mill-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS), din is-sena kien ferm bilanċjat, fejn ġie deċiż fl-aħħar logħba, meta l-MFA għelbu lill-GħĠS bl-iskor ta’ 1-0.

Għall-ewwel darba kemm ilu jsir dan it-tournament, kien hemm il-parteċipazzjoni tat-tim magħmul mill-Membri Parlamentari. Bħas-snin l-imgħoddija kien hemm it-tim li jirrapreżenta lill-media, tim li jirrapreżenta lir-referis organizzat mill-Malta Football Referees Association u tim magħmul mill-istaff tal-Malta Football Association (MFA).

Preżenti wkoll għal parti sostanzjali mit-tournament kien hemm l-E.T. il-President ta’ Malta Dr George Vella, illi kellem lil dawk preżenti u rringrazzjahom għas-somma li bħal dejjem tinġabar wara tmiem dan it-tournament. Flimkien mal-Membri Parlamentari kien hemm preżenti l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech.

Ir-riżultati kollha kienu dawn:

MPs 0-3 MFA

Malta SJA 0-0 MFRA

MPs 0-3 Malta SJA

MFRA 1-1 MFA

Malta SJA 0-1 MFA

MFRA 9-0 MPs

Fi tmiem it-tournament saret il-preżentazzjoni mill-President Onorarju Charles Camenzuli, li kien lagħab ukoll fl-ewwel edizzjoni tal-logħba  tradizzjonali li kienet saret fl-1975, lill-captain tal-istaff tal-MFA Rodney Pisani.

Is-somma totali miġbura kienet ta’ €1,075 li se tkun ippreżentata waqt l-Istrina.

Ekonomija

Sport