Monday, April 22, 2024

It-tisħin u t-tibdil tal-klima se jġib diżastri fuq id-dinja

Aqra wkoll

Kaġun ta’ temperaturi għoljin u kontinwament jisħnu, glaċieri madwar id-dinja, inklużi dawk fl-Afrika, se jintilfu b’mod inevitabbli sas-sena 2050 minħabba t-tibdil drammatiku fil-klima. Rapport riċenti tal-UNESCO jgħid li terz tal-glaċieri li jinsabu f’siti tal-Wirt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti se jdubu fi żmien tliet deċennji.

Fil-fatt, il-glaċieri li għad fadal tal-Muntanja Kilimanjaro se jgħibu kif se jgħibu wkoll glaċieri Ewropej fl-Alpi u fil-Park Nazzjonali Yosemite fl-Istati Uniti. Dak li hu drammatiku hu li dawn se jdubu irrispettivament mill-azzjonijiet dinjin li jistgħu jittieħdu biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, jgħid ir-rapport. 

L-esperti u awturi tar-rapport isostnu li l-glaċieri qed idubu b’pass aktar mgħaġġel u jekk jisparixxu se jheddu l-provvista tal-ilma tal-Ewropa

L-analiżi li jagħmel ir-rapport li hija bbażata fuq data tas-satellita qed issir hekk kif il-mexxejja dinjin qed iħejju għall-konferenza COP27 tal-ġimgħa d-dieħla fl-Eġittu dwar it-tibdil fil-klima. Huwa smat li 18,600 glaċieri ġew identifikati madwar 50 sit tal-Wirt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti. Dawn jirrappreżentaw kważi 10% taż-żona glaċierizzata tad-Dinja u jinkludu postijiet turistiċi rinomati u postijiet sagri għall-popolazzjonijiet lokali. Iż-żewġ terzi li jifdal tal-glaċieri fis-siti tal-Wirt Dinji tan-NU jistgħu jiġu salvati, iżda biss jekk id-dinja tillimita t-tisħin globali għal 1.5C, jgħidu l-awturi. Rapport ieħor tan-NU l-ġimgħa li għaddiet sab li d-dinja sa issa għad ma kellha l-ebda pjan kredibbli biex tikseb dan il-limitu. 

L-irtirar u l-għajbien tal-glaċieri kien fost l-aktar evidenza drammatika li l-klima tad-dinja qed tisħon, qal ir-rapport. Il-glaċieri huma wieħed mill-indikaturi siewja tat-tibdil fil-klima, għaliex huma viżibbli.

Ir-rapport qal li t-telf tas-silġ fis-siti tal-Wirt Dinji seta’ kkawża sa 4.5% taż-żieda fil-livell tal-baħar globali bejn l-2000 u l-2020. Dawn il-glaċieri jitilfu 58 biljun tunnellata ta’ silġ kull sena ekwivalenti għall-volum totali annwali tal-ilma użat fi Franza u Spanja flimkien.

Ħafna nies jiddependu wkoll fuq il-glaċieri bħala s-sors tal-ilma tagħhom għall-użu domestiku u l-agrikoltura u t-telf tagħhom jista’ jwassal għal skarsezza ta’ ilma ħelu matul l-istaġuni nexfin. Dan iwassal għal kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel minħabba li dak l-ilma kien qed jintuża għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’.

Il-komunitajiet lokali u n-nies indiġeni se jġorru l-piż tal-għargħar ikkawżat mit-telf tal-glaċieri, jgħidu l-awturi tar-rapport, li jħeġġu biex jiġu stabbiliti sistemi ta’ twissija bikrija tad-diżastri u tnaqqis tar-riskju. Madankollu l-aktar ħaġa ovvja li trid issir hija l-kontroll  tat-tisħin globali tal-klima.

Jekk jitnaqqsu drastikament l-emissjonijiet, ikunu jistgħu jiġu salvati ħafna minn dawn il-glaċieri. Ir-rapport jenfasizza wkoll illi din hija verament sejħa sabiex id-dinja tieħu azzjoni f’kull livell, mhux biss fil-livell politiku iżda fil-livell tagħna bħala bnedmin.

Studju ġdid juri li l-glaċieri tal-Iżvizzera biss diġà tilfu aktar minn nofs il-volum tagħhom f’inqas minn mitt sena u s-sajf twil u sħun li għamel din is-sena kompla jaċċellera dan it-tidwib u l-komunitajiet madwar l-Alpi qed jinkwetaw dwar il-futur tagħhom.

Sport