Monday, April 22, 2024

It-Tnejn jittellgħu l-poloz tal-Aħħar 16 tal-kompetizzjonijiet Ewropej

Aqra wkoll

It-Tnejn fil-kwartieri tal-UEFA f’Nyon, l-Isvizzera, se jittellgħu l-poloz tal-fażi tan-knock-out tat-tliet tazzi Ewropej jiġifieri ċ-Champions League, l-Europa League u l-Europa Confe­­ren­ce League li l-aħħar tnejn għandhom sistema differenti minn tas-soltu. Il-ħinijiet tal-poloz huma 12.00 pm, 1.00 pm u 2.00 pm skond l-importanza tal-kompetizzjoni.

Minn dan l-istaġun il-UEFA ddeċidiet li tbiddel is-sistema li tinvolvi round tal-play-off fl-Europa League kif ukoll f’dik ġdida tal-Conference League.

CHAMPIONS LEAGUE

F’din il-kompetizzjoni mhux se jkun hemm tibdil u għalhekk it-timijiet involuti huma:

Timijiet issidjati li jilagħbu t-tieni leg f’darhom: Ajax (Olanda), Bayern Munich (Ġermanja), Juventus (Italja), Liverpool (Ingilterra), Lille (Franza), Manchester City (Ingilterra), Manchester United (Ingilterra), Real Madrid (Spanja).

Timijiet mhux issidjati: Atletico Madrid (Spanja), Benfica (Portugall), Chelsea (Ingilterra), Inter (Italja), Paris St-Germain (Franza), Salzburg (Awstrija) Sporting CP (Portugall), Villarreal (Spanja).

Jintlagħbu fil-15/16 u fit-22/23 ta’ Frar.

EUROPA LEAGUE

Minn dan l-istaġun din il-kompetizzjoni se jkollha round tal-play-off li fiha jieħdu sehem it-tmien timijiet li spiċċaw it-tieni fil-gruppi kontra t-tmienja li spiċċaw it-tielet fiċ-Champions League. Imbagħad it-tmien rebbieħa jiltaqgħu kontra t-tmien timijiet li rebħu l-gruppi.

It-timijiet li spiċċaw runners-up li se jkunu ssidjati: Betis (Spanja), Braga (Portugall), Dinamo Zagreb (Kroazja), Lazio (Italja), Napoli (Italja), Olympiakos (Greċja), Rangers (Skozja), Real Sociedad (Spanja).

It-timijiet li spiċċaw it-tielet fiċ-Champions League li mhumiex issidjati: Atalanta (Italja), Barcelona (Spanja), Dortmund (Ġermanja), Leipzig (Ġermanja), Porto (Portugall), Sevilla (Spanja), Sheriff (Moldova), Zenit St Petersburg (Russja).

CONFERENCE LEAGUE

Bħall-Europa League din ukoll se jkollha round tal-play-off li fiha r-runners-up tal-gruppi jiltaqgħu kontra dawk li spiċċaw it-tielet fl-Europa League bir-rebbieħa imbagħad jilagħbu kontra r-rebbieħa tat-tmien gruppi fl-Aħħar 16.

It-timijiet issidjati: Bodo/Glimt (Norveġja), Maccabi Tel-Aviv (Iżrael), PAOK (Greċja), Partizan (Serbja), Qarabag (Azerbaijan), Randers (Danimarka), Slavia Praha (Rep. Ċeka), Tottenham jew Vitesse (iridu jiġi konfermati).

It-timijiet mhux issidjati: Celtic (Skozja), Fenerbahce (Turkija), Leicester City (Ingilterra), Marseille (Franza), Midtjylland (Danimarka), PSV Eindhoven (Olanda), Rapid Wien (Awstrija), Sparta Praha (Rep. Ċeka).

Sport