Friday, April 26, 2024

Ramon Falzon … l-ewwel coach b’erba’ doubles fl-Awstralja

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar erba’ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja, l-Awstralja dejjem ikkwalifikat għall-edizzjoni finali minkejja li f’dan il-kontinent il-football mhuwiex l-aktar sport popolari.

L-‘A’ League huwa l-football professjonali fejn kull stat għandu tal-anqas team wieħed.  B’kollox hemm 12-il club professjonali li minn­hom wiehed jirrappreżenta l-istat ta’ Western Australia (WA) u dan bl-isem ta’  Perth Glory.  Kull club professjonali għandu wkoll il-youth team (under 23) u dawn ukoll jie’du sehem f’kampjonat bejniethom.

Wara l-A league, kull stat għandu in-Natio­nal Premier League (NPL), li huwa football fuq li­vell semi-professjonli (bħal Malta), imma l-livell u l-kwalitá tal-football hija aħjar minn tagħna l-Maltin.  

Fl-NPL il-players jiġu mħarrġa bl-iskop aħħari jkun li wħud minnhom jiġu magħżula jidħlu għall-karriera professjonali u anki jiġu magħżula mat-team nazzjonali.  Xi wħud saħansitra jattiraw clubs professjonali minn kontinenti oħra … bħall-Ewropa.  

Hemm isegwu diviżjonijiet oħra f’kull stat bis-sistema ta’ promozzjoni u relegazzjoni bħal f’kull pajjiż fejn jintlagħab il-football.

Ġewwa Western Australia 12-il team jieħdu  sehem fl-NPL.  It-team li jispiċċa fl-ewwel post jiġi dikjarat ir-rebbieħ tal-NPL u flimkien mat- tliet timijiet ta’ warajh jikkompetu fit-Top 4 Cup, bit-tnejn minnhom jgħaddu għall-Grand Final.

Fl-2016, Perth SC, fuq parir ta’ espert fil-football u coach rispettat gewwa WA Gareth Naven, ħatru lil Ramon Falzon bħala head coach.  Kien Gareth Naven ukoll li intoduċa lil Ramon bħala assistent coach mal-U/23 tat-team professjonali Perth Glory fi snin ta’ qabel.  

Mill-istaġun 2016 għaddew sitt snin u f’dan il-perjodu Ramon Falzon sarraf il-fiducja ta’ Gareth Naven f’suċċessi kbar. Meta Ramon inħatar head coach,  Perth SC kienu ilhom ma jirbħu l-kampjonat 11-il  sena.  

Taħt il-gwida tiegħu Perth rebħu d-double erba’ darbiet … l-2016, 2018, 2019 u din is-sena 2021.  Fl-istaġun li għadda rebħu n-Night Series mingħajr ma sofrew l-ebda telfa.  Din il-kompetizzjoni ssir fil-bidu ta’ kull staġun (Jannar jibda l-football fl-Awstralja) bi preparazzjoni għall-kampjonat iżda f’dak il-perjodu tfaċċat il-Covid 19.  

Mis-sena li fiha Ramon ħa t-tmexxija ta’ Perth SC, dawn rebħu disa’ unuri maġġuri.  Ir-rebħ ta’ erba’ darbiet il-kampjonat f’sitt snin huwa rekord u li flimkien ma’ erba’ rebħiet oħra tal-Grand Final Knock-Out fit-Top 4 Cup Knock-Out fl-istess snin jagħmel dan rekord assolut ta’ erba’ ‘doubles’.  

Rekords li mhux facli li wieħed jista’ jiksirhom.  Fl-istess perjodu wkoll ta’ sitt snin, tajjeb li wieħed jirrimarka li Perth SC dejjem spiċċaw jikkwalifikaw għall-Grand Finals fejn rebħu erbgħa u tilfu fit-tnejn l-oħra.  S’issa ġewwa l-Awstralja l-ebda team qatt ma kien preżenti f’sitt finali konsekuttivi ħlief Perth SC taħt il-gwida tal-Malti Ramon.  Fis-sentejn l-oħra li fihom ma rebħux il-kampjonat spiċċaw darba fit-tielet post u darb’oħra kienet is-sena Covid 19 u l-kampjonat sar iqsar u differenti.

Din is-sena kienet partikolari għaliex it-team imexxi minn Ramon sofra ħafna injuries fin-Night Series.  Biżżejjed wieħed isemmi li għal xahrejn sħaħ minn skwadra ta’ 23 player kellu 10 minnhom kienu qed jirkupraw minn injuries fit-tul. Sitta minn dawn kienu mill-formazzjoni inizjali.  B’hekk kellu jintroduci diversi players mit-team tal-Youths. 

B’dawn ic-cirkostanzi kollha, xorta waħda fit-tmiem l-ewwel round Perth SC kienu jinsabu fit-tieni post, iżda 11-il punt wara Floreat Athena.  Fil-fatt il-coach ta’ Floreat kien iddikjara li l-kampjonat kien diġá spicca u l-partit li kien fadal kienu biss formalitá.  Imma fit-tieni round Perth SC għamlu rimonta kbira fejn rebhu tmien partiti u spiċċaw fi draw fi tliet logħbiet sabiex rebħu l-kampjonat b’vantagg ta’ erba’ punti u f’seba’ partiti minnhom ma sofrew l-ebda goal.

Il-Grand Final kienet ukoll bejn dawn iż- żewġ timijiet u kienet waħda mistennija ħafna minħabba r-rivalita’ kbira li teżisti bejn dawn iż-żewġ timijiet kif ukoll minħabba kif żvolġa l-kampjonat.  

Iżda b’sorpriza għal kulħadd fl-ewwel 23 minuta, Perth SC kienu diġá skurjaw ħames darbiet bil-partita tispiċċa bi skor finali kbir ta’ 6–3 għal Perth SC.

Dan ir-rebħ kollu wassal sabiex Ramon Falzon ikun nominat fis-snin 2016, 2018, 2019, u 2021 għar-rebħ tal-Best Coach of the Year Award  u rebaħ għal tliet darbiet dan l-unur fis-snin 2018, 2019 u 2021.   Anke hawn ir-rebħ għal tliet darbiet ta’ dan l-unur jagħmel dan rekord.  

Ramon sar l-ewwel coach fl-istorja tal-football Awstraljan li rebah erba’ doubles, hekk kif l-era ma’ Perth SC qegħda tiġi definita bħala l-ikbar era ta’ success fil-football fl-Awstralja.

Dan huma l-unuri li coach Malti Ramon Falzon qiegħed jikseb ġewwa l-Awstralja.

Sport