Friday, April 26, 2024

“It-tqassim ġust tal-ġid importanti daqs it-tkabbir tiegħu” – Evarist Bartolo

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li t-tqassim ġust tal-ġid importanti daqs it-tkabbir tiegħu.

F’kummenti ma’ dan is-sit, qal li l-Partit Laburista twieled ftit aktar minn seklu ilu biex jiġġieled kontra l-faqar kbir li kien hemm f’pajjiżna dak iż-żmien. Innota kif f’seklu pajjiżna nbidel ħafna u żgur m’għandniex il-faqar fostna li kellna 100 sena ilu. 

F’dan ir-rigward huwa qal: “Iżda xorta dmirna li nkomplu naraw li noħorġu izjed nies mill-faqar. Għandna ftit iżjed minn 85,369 f’riskju ta’ faqar li jgħixu bi dħul ta’ inqas minn €9,744 fis-sena.  In-numru ta’ nies jgħixu fil-faqar naqas mis-snin ta’ qabel minħabba l-għajnuna li pprovda l-gvern u laħaq iżjed minn dawk li għandhom bżonn.”

Huwa nnota kif minn kważi 25% tal-popolazzjoni r-riskju tal-faqar fis-sena 2013 niżel għal 19% fis-sena 2020.  Il-Ministru Bartolo qal li aktar kemm jonqsu dawk li jgħixu fil-faqar aktar inkunu qed nimxu ‘l quddiem. 

Il-Ministru Bartolo tkellem ukoll dwar iż-żgħażagħ fejn innota kif fil-gżejjer tagħna għandna mill-inqas 100,124 żgħażagħ fl-età bejn 15 u 29, persuna minn kull ħamsa tal-popolazzjoni. Qal li tajjeb li nifhmu sew lil dawn iż-żgħażagħ: f’liema qagħda jinsabu fl-edukazzjoni, fix-xogħol u fis-soċjetà u x’għandna nagħmlu biex ngħinuhom jiffaċċjaw l-isfidi li għandhom.

Qal li għandna nagħmlu dan għall-ġid taż-żgħażagħ infushom u mhux sempliċiment għax din is-sena 2022 hija sena li l-Unjoni Ewropea qed tiddedikaha għaż-żgħażagħ. 

Il-Ministur Bartolo qal li tajjeb li anke aħna f’pajjiżna nagħtu sehemna biex naraw li nieħdu ħsieb liż-żgħażagħ. 

F’dan ir-rigward huwa qal: “Nagħmlu dan mhux billi nagħmlu l-affarijiet għalihom u kif niddeċiedu aħna. Iżda billi nagħmluhom magħhom u jkollhom sehem sħih fit-tfassil u fit-twettiq ta’ dak li għandna nagħmlu flimkien biex jegħlbu l-problemi li ħolqitilhom u qed toħolqilhom il-pandemija u biex jgħixu aħjar illum u għada.”

Innota kif ħafna miż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin jagħtu importanza iżjed mill-bqija tal-poplu Malti lis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.

Huwa rrefera ukoll għal sħarriġ li sar fost iż-żgħażagħ tal-pajjiżi membri erba’ xhur ilu juri li 58 fil-mija taż-żgħażagħ Ewropej jarawha li tagħtihom opportunitajiet tajbin fl-ivvjaġġar, fix-xogħol u fl-istudju.

Sport