Wednesday, July 24, 2024

Ix-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv jinsabu fi stadju avvanzat ħafna

F’Marzu jibda jsir it-testing tal-faċilità

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fiċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv fil-Belt Victoria, li issa jinsabu fi stadju avvanzat ħafna. Ladarba jitlesta dan iċ-Ċentru se jibda jissejjaħ Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavilion.

“Wasalna fl-aħħar xogħlijiet fiċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv ta’ Għawdex fejn issa għandna x-xogħol tal-elettriku kważi kollu lest, il-kostruzzjoni hija kollha lesta, għaddejjin bil-finishings, bl-installazzjoni tal-aperturi u għall-Marzu se jkun qed isir it-testing tal-pixxina li hija ta’ daqs Olimpiku. Għaldaqstant, hekk kif ħabbarna s-sena li għaddiet, se nkunu qed nżommu kelmtna li din is-sena dan il-kumpless sportiv enormi se jkun qed jibda jitgawda mill-pubbliku,” stqarr il-Ministru Camilleri.

Ix-xogħol fuq il-faċċata ta’ din il-faċilità se jibda x-xahar id-dieħel u dan fil-fatt jimmarka l-aħħar tragward sinifikanti ta’ dan il-proġett li huwa wieħed mill-ikbar investimenti u l-ikbar investiment sportiv li qatt rat il-gżira Għawdxija.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li jħares ’il quddiem sabiex jitlesta l-proġett u l-isportivi Għawdxin jingħataw faċilità mill-aqwa ta’ indoor sports f’Għawdex stess, kif ukoll li joffri opportunitajiet oħrajn b’mod partikolari ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali u nazzjonali f’Għawdex u li jattira wkoll turiżmu sportiv.

Min-naħa tiegħu, l-Perit Godwin Sultana responsabbli mill-proġett spjega li x-xogħlijiet qegħdin jipprogressaw b’mod tajjeb ħafna. Filwaqt li spjega x-xogħol li sar u li għaddej bħalissa, qal li x-xahar id-dieħel se jibda jsir l-ittestjar fuq din il-faċilità sabiex wieħed jiżgura l-funzjonalità u d-durabilità ta’ dan l-ikbar Ċentru Sportiv f’Għawdex.

Iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv huwa mifrux fuq medda ta’ madwar 5,000 metru kwadru u se jkun mgħammar b’diversi faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell u pixxina ta’ daqs Olimpiku fost l-oħrajn.

Ekonomija

Sport