Saturday, December 21, 2024

IŻ-ŻERRIEGĦA TAR-REBĦA

Aqra wkoll

Wara li ħa t-tmun tal-pajjiż waqt waħda mill-agħar kriżijiet politiċi li ra pajjizna u wara sentejn ta’ pandemija, Robert Abela għamel dak li sa ftit ġimgħat biss ‘il bogħod ftit kienu jaħsbu li seta’ jsir. F’idejh għandu mandat ċar biex jbiddel dan il-pajjiż, f’idejna lkoll għandna r-responsabiltà li niżirgħu dak li se naħsdu ħames snin oħra.

Moviment akbar mill-‘Jiena’

Abela irnexxielu mhux biss iżomm il-Moviment Laburista magħqud qaqoċċa iżda irnexxielu jikseb l-akbar rebħa fl-istorja moderna ta’ Malta. Maġġoranza ta’ kważi 40,000 vot. Dan waqt li Abela irnexxielu jkun l-ewwel Prim Ministru li ġab it-tielet mandatt elettorali konsekkutiv għall-Partit tiegħu waqt li jżid il-maġġoranza fuq ir-rebħa ta’ qabel.

Meta wieħed jikkonsidra kemm inbiddlu uċuħ fl-aħħar leġiżlatura, kemm fi ħdan il-Partit Laburista u kif ukoll fl-ogħla karigi tal-Gvern Laburista, wieħed japprezza aktar ir-rebħa kbira li rnexxielu jikseb dan il-Moviment din id-darba. 

L-idea li nistgħu naħdmu flimkien, bħala Maltin u Għawdxin, għall-ġid komuni, l-idea li nfittxu l-kompromess u dak li jgħaqqadna mhux dak li jifridna huma elementi li n-nies ma tridx tinqata’ minnhom u li Robert Abela għaraf li jżomm fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.

Robert Abela wera li s-saħħa vera tal-Moviment Laburista mhux qiegħda fl-individwi li jmexxuh imma propju fin-nies li jsostnuh.

Rebħa kbira titlob umiltà akbar

Aktar kemm tkun kbira l-maġġoranza aktar irridu nkunu ċerti li kulħadd ikollu saqajh ankrati mal-art.

Apprezzajt l-enfażi li għamel il-Prim Ministru fuq dan il-punt f’kull diskors li kellu sa minn meta ġie elett. Importanti li dan jiġi rifless fid-deċiżjonijiet li se jkunu qed jittiehdu mil-gvern kollhu b’mod konsistenti. 

Id-diżastri elettorali tal-PN illum jafu l-bidu tagħhom f’SMS li l-ex Prim Ministru Gonzi kien għoġbu juża biex jinforma lill-Ministri li kellhu qabel l-2008 li ma kinux se jibqgħu fil-kariga. Dan ftit sigħat biss wara l-iċken rebħa elettorali li qatt rat Malta. 

L-istess arroganza li kienu mżewqin biha uħud mill-Ministri ‘bravi’ li kellhu kompliet tisqi dik iż-żerriegħa meta dawn kienu jagħmlu l-imħatri li mhux se jibqa’ fabbrika waħda li tħaddem in-nies u meta kienu jgħidu lill-ħaddiema biex jidraw il-kontijiet għoljin. Fil-Parlament kienu saħansitra jċapċpu lil Austin Gatt meta kien jgħid li għax għandu erba’ siġġijiet maġġoranza il-Gvern seta’ jagħmel li jrid. 

Illum dak il-PN qiegħed sempliċement jaħsad dik l-arroganza u l-mibgħeda li nżergħet snin ilu.

Saqajn ankrati mal-art u kmiem imxamrin

Robert Abela għandu mandat u maġġoranza soda, in-nies tinsab warajh u qed tistenna mingħandu li jirresponsabilizza lill-Gvern u l-Kabinett tiegħu għall-istess standards tiegħu. 

Il-mumenti li dawn jibdew jinqatgħu mir-realtajiet tan-nies u jaħsbu li huma akbar mill-mandat li sellifhom il-poplu, ikun il-mument li n-nies tibda tabbadunahom. Quddiemna ġejjin snin ta’ sfidi imma ta’ opportunatijiet ukoll. Hemm ħafna x’isir u għandna programm elettorali ambizzjuż li jista’ jibdel lil dan il-pajjiż għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il-Kabinet għandu f’idejh opportunità bla preċedent li jħalli legat storiku. 

In-nies qed tistenna li Robert Abela jżomm lil kulħadd kontabbli ta’ għemilu. M’hawnx Laburist ġenwin wieħed, li hu wieħed li ma jħossux diżgustat u iddispjaċut meta jara u jisma bi stejjer xejn sbieħ fuq ir-rappreżentanti tal-poplu, partikolarment tal-partit tiegħu. Min jonqos mill-fiduċja li tah il-poplu m’għandhux ikollhu l-kenn tas-sistema politika. Il-messaġġ tal-51,000 li baqgħu d-dar huwa b’saħħtu ħafna wkoll.

Iż-żerriegħa tal-lum, il-ħsad ta’ għada

Dan il-Gvern, bħal ebda wieħed ieħor qablu għandu opportunità tad-deheb. Robert Abela jista’ jkun il-Prim Ministru Laburista li jbiddel lil pajjiżna għal wieħed isbaħ, b’ekonomija aktar moderna li tħares lejn prosperità ġdida għat-30 sena li ġejjin. Persważ li r-rieda tiegħu hija propju li għada pitgħada jħalli legat storiku warajh. 

Biex jagħmel dan għandu miegħu appoġġ kbir mill-poplu u minn bosta nies ta’ rieda tajba mdawrin miegħu li jridu l-ġid tiegħu, lill-Partit li jħobbu u lin-Nazzjon tagħhom. Jekk ma jsirux l-iżbalji li saru fil-passat illum tista’ tinżera’ żerriegħa ta’ rebħa oħra.

Ekonomija

Sport