Friday, April 19, 2024

Iż-żewġ mexxejja u l-media taż-żewġ partiti fil-kampanja elettorali

Aqra wkoll

Jikteb Mario Fava, President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali

Fl-ewwel parti tal-analiżi tiegħi tkellimt dwar l-ewwel fatturi li wasslu għal dik li kienet il-11-il elezzjoni konsekuttiva li rebaħ il-Partit Laburista. Iżda fost fatturi oħra li permezz tagħhom dan il-gvern ngħata mandat ieħor b’saħħtu nistgħu nitkellmu dwar li ġej.

L-Għaqda

Fattur ieħor importanti hija l-Għaqda. Kif tista’ tmexxi pajjiż jekk m’ intix kapaċi tmexxi Partit? Kif tista’ tmexxi jekk m’għandekx kredenzjali ta’ Mexxej.

Il-poplu kellu quddiemu żewġ partiti. Żewġ partiti li t-tnejn għaddew minn test elettorali intern għat-tmexxija tagħhom.

Fuq naħa kellna proċess bejn numru ta’ kandidati li sa mill-bidu tiegħu kien imtappan u vvizzjat. Dan għax anki dak li wassal għall-istess kontest, kienu proċeduri xejn demokratiċi u saru għax sempliċiment kellek grupp ta’ nies li wara sentejn kienu għadhom m’ aċċettawx il-verdett tat-tesserati tal-Partit tagħhom stess.

Dan wassal biex Adrian Delia, kontra qalbu kellu jirreżenja u jerġa’ joqgħod għal test elettorali intern, minkejja li kellu mandate ċar biex imexxi, tal-inqas sas-26 ta’ Marzu li għadda. Dan ma kienx il-każ għax dawk ta’ kontrieh ma waqfux qabel ma kkonvinċew l-eżekuttiv tal-Partit li Adrian Delia irid jitlaq.

Dan il-proċess spiċċa l-kummiedja tas-sajf ta’ sena u nofs ilu, fejn waqt il-kampanja tal-istess kontest, kellna diversi allegazzjonijiet fuq iż-żewġ kontestati ewlenin fejn saħansitra Simon Busuttil ħass li kellu jintervjeni u jitlob lil Delia biex ma jikkontestax u jirtira l-kandidatura tiegħu.

Anki meta Bernard Grech ħa t-tmexxija tal-Partit, baqgħu kurrenti u malizja bejn iż-żewġ fazzjonijiet, li wasslu għat-tkissir tal-Partit Nazzjonalista.

Fuq in-naħa l-oħra kellek Partit Laburista li wara r-riżenja ta’ Joseph Muscat, ukoll kellu kontestazzjoni fi ħdanu. Din il-kontestazzjoni ġiet u għaddiet u appena tħabbar ir-riżultat tagħha, Robert Abela seta’ jibda jmexxi bla tfixkil. Chris Fearne, minn naha tiegħu aċċetta r-riżultat b’umiltà u kompla jaħdem bla heda biex fir-responsabbiltà ta’ Ministru tas-Saħħa, mexxa dan is-settur b’mod impekkabli tul il-pandemija, tant li ġab l-ammirazzjoni anki tal-organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Din l-elezzjoni għall-Partit Laburista wasslet biex kattret l-għaqda fil-Partit u serviet ukoll biex kulħadd ingħaqad wara Robert Abela, kienet x’kienet il-preferenza tiegħu fit-tiġrija għal Mexxej

B’dan deher evidenti tul il-kampnaja u allura l-poplu għażel l-istabbilità u l-ghħaqda ta’ Partit fuq il-firda u l-għira ta’ ieħor.

It-tim u l-organizazzjoni

Anki bejn iż-żewġ timijiet taż-żewġ partit wieħed seta’ jasal biex jara’ differenza netta. L-armonija li ħadem biha t-tim tal-Partit Laburista kienet evidenti anki fl-organizazzjoni taż-żewġ partiti. Ix-xogħol li sar fuq il-programm tal-Mitt Idea deher evidenti fid-diskorsi mhux biss tal-Mexxejja imma wkoll tad-deputati u kelliema oħra waqt l-attivitajiet tul il-kampanja, Deher ċar li dawk tal-Partit Laburista kienu nfurmati sew dwar il-kontenut tal-messaġġ tal-Partit filwaqt li l-Partit Nazzjonalista donnu ried jaħbi elementi kbar mit-tim tiegħu u mbotta biss lill-Kap tal-Partit.

L-organizazzjoni tal-attivitajiet ukoll turi l-kwalitajiet differenti bejn wieħed u ieħor. L-attivitajiet ta’ taħt it-tinda taw indikazzjoni tal-mod organizzattiv bejn Partit u ieħor. Rajna d-differenza anki fl-attendenzi li kienet turija ċara li l-poplu kien aktar interessat jisma’ messaġġi kredibbli u fattwali li jaspiraw fiduċja u ħajja aħjar milli diskorsi negattivi, tgħajjir u allegazzjonijiet li kienu xebbgħu lil kulħadd.

Għax meta int se tagħżel Partit li jmexxik, se tagħżel lil xi ħadd li jagħmel kollox sfurzat għax bilfors jew  lil xi hħadd li għandu l-enerġija, il-ħeġġa u d-determinazzjoni li jagħmel il-qabża li jmiss fil-kwalità anki f’sempliċi attivita? 

Il-medjokrità, id-dlam, il-biża’, il-passat u n-negattiv ġie mwarrab biex il-poplu agħżel il-pożittività, it-tama, l-enerġija u fuq kollox il-futur.

Iż-żewġ mexxejja (u l-media taż-żewġ partiti)

Jekk fl-elezzjonijiet tal-2013 u dik tal-2017 kien hemm differenza netta bejn iż-żewgġ mexxejja, din l-elezzjoni ma kinitx eċċezzjoni.

Robert Abela deher frisk, infurmat, b’viżjoni u jittrasmetti messaġġ ta’ għaqda, Bernard Grech baqa’ jkun diviżiv u negattiv fil-messaġġi tiegħu.

Xi ħaġa li spikkat tul il-kampnanja u li żgur kellha piż fuq ir-riżultat kienet in-nuqqas ta’ abbiltà ta’ Bernard Grech li jispjega dak li hu stess beda jressaq ‘il quddiem. Spikkaw iċ-ċirkostanzi fejn Bernard kellu jiffaċċja lill-ġurnalisti u jew jaħrabhom jew inkella ma jkunx kapaċi jwieġeb fuq proposta li hu stess ikun għadu kemm ħabbar.

Robert Abela minn naħa l-oħra kien kapaċi jagħmel ‘delivery’ mill-aqwa tad-diskorsi tiegħu u jispjega fid-dettal kif kull miżura se tolqot lill-familji Maltin u Għawdxin. Kien anki kapaċi jagħti eżempji konkreti kif kull familja, f’saffi differenti fis-soċjetà se tiġi milquta, kemm jekk miżuri fiskali kif ukoll oħrajn soċjali jew ambjentali.

Bernard Grech spiċċa anki għamel ħafna minn dawk li nsejħulhom ‘outo goals’ fix-xena politika, fosthom tal-10,000 dwar il-karozzi, maħfra fuq iċ-ċitazzjonijiet, it-trackless tram, IVF, iż-żieda taż-żoni ODZ u oħrajn. Deher ċar li ħafna mill-proposti kienu jkunu proposti popolari għax sema xi ħaġa m’ għand xi hadd aktar milli għax huma proposti ibbażati fuq prijoritajiet b’viżjoni.

Il-Prim Ministru kien ferm aktar kapaċi jikkonvinċi li dak li qed jigi propost huwa fattibbli u se jsir. Tul il-kampanja tkellem biss fuq il-futur u fuq il-proposti kif dawn se jsiru kisbiet filwaqt li Bernard Grech baqa’ jkun personali, fuq id-difiża u moħħu biex jattakka personalment lill-Prim Ministru. Dan stajna narawh kemm fid-dibattitu li kellu miegħu fil-kamra tal-kummerċ, l-Università u anki fuq l-istazzjon Nazzjonali. Speċjalment f’dan l-aħħar dibattitu, aktar kien interessat jekk il-Prim Ministru żammx mal-ħin allokat lilu milli jagħmel l-aġenda tiegħu u juża’ l-ħin biex iwassal il-messaġġ tiegħu. 

Nemmen li d-differenza netta bejn iż-żewġ mexxejja kellha effett kbir fuq ir-riżultat finali, fejn anki hawn, il-miżien xaqleb bil-kbir favur Robert Abela u l-Partit Laburista.

Ħarsa ‘il quddiem

Issa li r-riżultat tħabbar, il-ġurament ittieħed u t-tpaqpieq waqaf, irridu nxammru u nixtarru r-riżultat b’ reqqa u umiltà. 

Nifhem li l-Partit Nazzjoanlista issa għandu jitgħallem li jrid jibdel il-mind set tiegħu, Bla dubju se jkollu sena turbulenti fejn irid jew ma jridx se jkollu jaħtar jew jikkonferma Mexxej. Se jifhem li ma jistax jibqa’ mqabbad fih innifsu u dan b’rispett sħihħ lejn il-partitarji tiegħu, l-istroja tiegħu u fuq kollox b’ rispett lejn il-kostuzzjoni u l-pajjiż. Dan għax għandu rwol importanti x’ jaqdi u fid-disa’ snin li għaddew, dan m’għamlux.

Għandu bżonn jitnaddaf mill-elementi li wassluh fejn jinsab illum, jiehu deċiżjonijiet kuraġġjużi, jieqaf ikeċċi u jbiegħed minnu nies validi u fuq kollox ikun umli biżżejjed li jinza’ l-libsa tas-suppervja. Kemm dan se jsir għandi dubju għax l-ewwel messaġġ tal-Kap kien wieħed dittatorjali fejn mingħajr ma kkonsulta ma’ l-ebda struttura tal-Partit u bla ma offra r-riżenja tiegħu, iddikjara li jrid jibqa’ jmexxi. Dan kontra kull prassi li jieħdu mexxejja f’pajjiżi demokratiċi Ewropej, f’ċirkostanzi bħal dawn.

Il-Partit Laburista ukoll irid jagħmel ftit eżami tal-kuxjenza. Filwaqt li żgur ħafna jkunu dawk li jitolbu l-impossibli jew affarijiet li ma jkollhomx dritt għalihom, bl-istess mod hemm individwi li għadhom iħossu li ma ġewx mismugħa biżżejjed. Nies ġenwini li forsi nqabdu fi proċess ta’ burokrazija li qed twassal biex issir inġustizzja fil-konfront tagħhom jew qrabathom. 

Dawk li jumejn ilu ħafru u taw ċans iehor jista’ jkun li nkunu qed nitolbu wisq mingħandhom ħames snin oħra jekk nibqgħu insensittivi għal weggħat tagħhom.

Din għandha tkun il-missjoni tagħna fil-ġranet u ġimgħat li ġejjin.

Sport