Friday, December 13, 2024

Iż-żgħażagħ għall-Partit Laburista

Aqra wkoll

Miktub mis-Sindku tal-Mellieħa u Kandidat Laburista għat-12-il Distrett Dario Vella

Ilna ħafna nisimgħu diskussjonijiet fuq iż-żgħażagħ, però sfortunatament ninnota li s-suġġett dejjem jaqa’ fin-negattiv. Bħal donnu iktar iffukati fuq il-problemi li jiffaċċjaw iż-żgħżagħ u l-vizzji li jinsabu madwarna. Inħoss li iktar nassoċjaw liż-żgħażagħ mal-abbuż tad-droga u alkoħol u kemm dawn jgħaddu ħin fuq il-mezzi soċjali u logħob elettroniku. 

Mingħajr ma ninqata’ minn din ir-realtà, illum xtaqt inwassal messaġġ pożittiv. Xtaqt li niddiskuti magħkom realtà pożittiva li fis-soċjetà tagħna għandna ħafna żgħażagħ bravi u kapaċi f’oqsma differenti. 

Kultant il-ħażin jaljenana u sfortunatament jċajpar il-ħafna tajjeb li għalkemm ikun madwarna ma narawhx. Huwa vera li għandna individwi li jaqgħu lura imma dan il-Gvern ħaseb kif jista’ jgħin b’diversi modi. L-għajnuna teżisti min-nies professjonali u l-Gvern qiegħed dejjem impenjat biex jassigura li ħadd ma jaqa’ lura fis-soċjetà. Ċertu għajnuna tingħata minn għaqdiet non- governattivi bħal Caritas li twettaq ħafna xogħol f’dan ir-rigward. Anke hawn il-Gvern għandu relazzjoni tajba ħafna u saħansitra daħal fi ftehim magħhom biex jiffinanzja programmi professjonali biex jindirizzaw problemi partikolari. 

Però llum xtaqt niddedika dan l-artiklu biex nuri l-istampa ċara u reali li għandna f’pajjiżna. Iż- żgħażagħ għandhom ikunu assoċjati fost l-oħrajn mal-isports. Għandna ħafna atleti li minn età żgħira jitħarrġu f’dixxiplini differenti m’għaqdiet differenti. Il-footbal jibqa’ dejjem l-iktar popolari imma jekk wiehed jgharbel ftit is-suggett malajr jintebah li ghandna diversi dixxiplini ohra li qed jigu prattikati hawn Malta. Bħalissa qiegħed inżur il-familji u nnutajt b’sodisfazzjon bl-ammont ta’ żgħażagħ li għandna jipprattikaw tip ta’ sport bħal, l-għawm, atletika, baseball, basketball u oħrajn. Dawn l-atleti jkunu passjonati f’dak li qed jagħmlu u jagħrfu jieklu tajjeb u jitħarrġu ħafna drabi fil-ġimgħa għaliex verament jemmnu li b’sagriffiċċju u impenn jistgħu jaslu. Illum dawn il-familji jirrikonoxxu l-fatt li bħala Gvern wettaqna bidliet kbar b’ammont kbir ta’ investimenti f’faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell madwar Malta u Għawdex. Nahseb li lkoll rajna lill-kontinġent Malti magħmul minn sitt atleti li pparteċipaw fl-Olimpjadi ta’ Tokjo fejn minn qalbi nawguralom kull suċċess għall-futur u kburi bħala Malti li ppreżentaw din il-gżira ċkejkna. Dan huma l-mumenti li jkomplu jagħmlulna kburin li aħna Maltin. 

Iż-żgħażagħ għandhom jiġu assoċjati wkoll mal-edukazzjoni li minn età bikrija jibdew jistudjaw u jsibu n- niċċa edukattiva tagħhom. Irridu nemmnu li kulħadd huwa kapaċi għal xi ħaġa jew oħra u b’dan f’moħħna ħadd m’għandu jaqa’ lura. Anke hawn għandna nħarsu lejn iż-żgħażagħ minn lenti pożittiva. Innutajt dan l-aħħar l-ammont ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin li għandna jaħdmu fl-isptar Mater Dei. Huwa ta’ sodisfazzjon li għandna nurses, tobba u professuri li baqgħu jistudjaw u llum qed jagħtu lura lis-soċjetà dak li huma tgħallmu u tħarrġu fih. L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għas-suċċess tal-ħajja, u ma tiqafx biss mal-Università. Hawnhekk ippermettuli wkoll nirringrazzja lill-għalliema kollha tal-ħidma tagħhom ta’ kuljum. Huwa vera li kull ġenitur jaspira li wliedu jġibu l-ogħla kwalifiċi u li jahdmu fl-ogħla karigi imma s-soċjetà hija magħmula minn talenti u individwi b’kapaċitajiet diversi. Għal darb’oħra l-Gvern Laburista ħaseb ghal dan u investa fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex, kif ukoll sar investiment qawwi fl- MCAST. 

Imbagħad dan il-Gvern addotta politika li b’mod jew ieħor tolqot firxa l-aktar wiesgħa ta’ żgħażagħ. Matul din il-legislatura ġew imnedija diversi skemi li jibbenefikaw minnhom il-first time buyers. 

Fil-fatt, rajna żieda qawwija f’xiri ta’ propjetajiet anke meta ninsabu fi żmien ta’ pandemija. 

Dal-Gvern għen ukoll li dawk in-nisa li forsi biex irabbu ‘l uliedhom fl-ewwel snin mit-twelid tagħhom kellhom jieqfu mix-xogħol, illum jistgħu jibbenefikaw minn skemi meta jergġħu jirritornaw lura għax-xogħol. Gvern Laburistacżgur li jibqa’ mfakkar għall-iskema taċ-child care b’xejn. 

Mhux ta’ b’xejn iż- żgħażagħ jinsabu wara l- Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista, għax jemmnu fih li f’qalbu hemm isem Malta mnaqqax b’ittri tad-deheb b’futur sabiħ lest għalihom. 

Quote: Huwa ta’ sodisfazzjon li għandna nurses, tobba u professuri li baqgħu jistudjaw u llum qed jagħtu lura lis-soċjetà dak li huma tgħallmu u tħarrġu fih 

Ekonomija

Sport