Monday, December 23, 2024

Iżrael jammetti li żbalja iżda ma jitlobx skuża

Aqra wkoll

Kull gwerra hija karatterizzata minn viltajiet, atroċitajiet u diżrispett qawwi lejn il-ħajja umana. Għalkemm jeżistu r-regoli tal-gwerra u bosta konvenzjonijiet, ħafna drabi dawn jibqgħu biss fuq il-karta u jirriflettu l-falliment tal-umanita. Juru wkoll il-falliment tal-kommunita internazzjonali miġbura fl-hekk imsejħa Ġus Maqgħuda.

Prova ta’ kemm il-kommunita internazzjonali falliet u għadha tfalli fil-gwerra ta’ Gaza taha Iżrael stess li ammetta li l-attakk mill-ajru li wettaq f’lejliet il-Milied li qatel 86 persuna fil-kamp tar-refuġjati ta’ Gaża kien ‘żball ta’ dispjaċir’ iżda ma jridx jitlob skuża għal għemilu. Donnu Iżrael għandu s-setgħa li jagħmel li jrid anki fejn jidħlu l-ħajjiet, jew aħjar l-imwiet ta’ nies ċivili, tfal u trabi inklużi.

L-attakk fuq il-kamp ta’ Maghazi fiċ-ċentru ta’ Gaża lejlet il-Milied kien wieħed mill-aktar imdemmi tal-kunflitt s’issa. Ħafna mill-mejtin kienu nisa u tfal. 

Eylon Levy, il-kelliemi uffiċjali tal-gvern Iżraeljan qal li l-iżbal kien dovut għall-użu ta’ munizzjon mhux korretta u “ma kellux jiġri”. Huwa iżda rrifjuta li jiskuża ruħu għat-telf ta’ ħajjiet, minkejja li kien ippressat diversi drabi mill-ġurnalisti ta’ Sky News. “Mhux se niskużaw ruħna talli għamilna din il-kampanja biex inġibu r-reġim tat-terrur tal-Hamas quddiem il-ġustizzja,”  huwa qal.

Levy ikkonferma rapporti tal-midja Iżraeljana li qalu li l-Forzi tad-Difiża Iżraeljani ammettew li użaw munizzjon ħażin, iżda qal li ma kienx jaf x’tip ta’ munizzjon intuża fl-attakk.

Filwaqt li qal li kull mewt taċ-ċivili hija ta’ dispjaċir, dan l-uffiċjal Iżtraeljan ipprova jiġġustifika l-attakk fuq il-Kamp Maghazi billi saħaq li fil-gwerra huwa inevitabbli li jsiru żbalji bħal dawn u oħrajn.

Kemm il-darba l-prim ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu qal li l-gwerra kontra l-Hamas se tkompli sakemm ir-reġim iċedi u jeħles lill-ostaġġi li fadal li kienu ittieħdu mill-militanti Hamas waqt l-attakk tas-7 ta’ Ottubru.

Filmati meħuda minn tim ta’ Sky News dwar l-attakk fuq il-Kamp Maghazi wrew qerda massiva, iġsma miġbura minn taħt it-terrapien u tfal fl-isptar midruba minn shrapnel. Ħafna mill-mejtin kienu nisa u tfal.

L-Iżrael qed jiġġustifika wkoll l-attakki mdemmija tiegħu fuq bini ċivili billi jakkuża lill-Hamas li qed juża l-iskejjel u l-isptarijiet biex jistaħbew wara nies ċivili. Iżda l-kritika għall-tal-imġiba ta’ Iżrael qed dejjem tiżdied.

In-Nazzjonijiet Uniti u l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem qalu li n-nies ċivili mhux qed jiġu protetti b’mod adegwat, b’uffiċjali tas-saħħa tal-Hamas isostnu li aktar minn 21,100 persuna nqatlu diġa f’Gaza minn mindu bdiet il-gwerra.

Ekonomija

Sport