Monday, July 6, 2026

James Camilleri fil-ħames post minn 18-il atleta minn madwar id-dinja f’Double Ironman ġewwa Colmar fi Franza

Aqra wkoll

Il-Ħamis 2 ta’ Lulju fit-8am bdiet it-tellieqa tad-Double Ironman ġewwa Colmar, Franza. Id-Double Ironman kienet tinvolvi: 7.6km għawm, 360km rota u 84.4km ġiri. 

It-triatleta ewlieni Malti, James Camilleri, kiseb il-ħames post minn 18-il atleta minn madwar id-dinja illi kkompetew f’din it-tellieqa. Huwa lesta t-tellieqa fi 28 siegħa u 28 minuta, u kien kuntent b’dan il-ħin għax irnexxielu jtejjeb il-ħin tiegħu stess tas-sena l-oħra b’siegħa u 10 minuti.

Biex jassistuh għal waqt it-tellieqa telgħu miegħu Philip Cachia magħruf bħala l-‘Kapu’ li ħa ħsieb li jagħmillu massaġġi u jimmotivah. Telgħet miegħu ukoll Therese Genovese, li hija t-tfajla tiegħu li ħadet ħsieb tippreparalu l-ikel u x-xorb primarjament. Għenitu wkoll billi żammitlu l-media soċjali attiva waqt li huwa kien għaddej bit-tellieqa.

Apparti hekk James xtaq jgħid grazzi lil Fabio Spiteri li huwa l-kowċ tiegħu u provdielu l-programm tat-taħriġ biex jipprepara ruħu għal din it-tellieqa bl-aħjar mod possibli.

Fl-aħħar ta’ Awwissu ta’ dis-sena, James ser imur għal tellieqa oħra li hija itwal… Triple Ironman li ser jagħmilha ġewwa Bad Radkersburg fl-Awstrija.

It-triple Ironman tikkonsisti fi 11.4km għawm, 540km rota u 126.6km ġiri.

Waqt illi qed jagħmel dawn it-tlielaq, James, qed jiġbor donazzjonijiet għal Caritas Malta illi jagħmlu ħafna ġid. Jekk wieħed jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jagħmel dan billi jibgħat bir-Revolut fuq +356 99435574 jew bank transfer.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, James, xtaq nirringrazzja bis-sħiħ lill-isponsors ewlenin tiegħu li huma: Visit Malta, Cisk 0.0 u Go & Fun Green Energy Drink.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport