Monday, July 6, 2026

Samuel Deguara … jibqa’ wieħed mill-aqwa eżempji ta’ kif atleta Malti jista’ jasal fuq il-palk internazzjonali

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Meta tisma’ l-isem ta’ Samuel Deguara, awtomatikament taħseb f’wieħed mill-aktar sportivi Maltin li rnexxielhom jagħmlu isem barra minn xtutna. B’tul impressjonanti ta’ 2.30 metri, Deguara mhux biss huwa wieħed mill-itwal plejers professjonali fid-dinja, iżda wkoll wieħed mill-akbar ambaxxaturi tal-basketball Malti.

Imwieled fil-Pietà fil-21 ta’ Ġunju 1991, il-vjaġġ tiegħu beda minn età żgħira. Ta’ 16-il sena ngħaqad mal-akkademja ta’ Benetton Treviso fl-Italja, wieħed mill-ikbar klabbs Ewropej ta’ dak iż-żmien. Minn hemm ’il quddiem il-karriera tiegħu ħaditu madwar id-dinja, fejn lagħab fl-Italja, Spanja, il-Kanada, il-Litwanja, il-Malasja, it-Tajlandja, Hong Kong, iċ-Ċilì, il-Filippini, il-Ġappun, it-Tajwan u Macau, fost pajjiżi oħra.

Il-karriera internazzjonali tiegħu għamlitu figura rispettata ħafna fil-basketball Asjatiku, fejn spiss kien wieħed mill-aktar plejers dominanti taħt ‘l hekk imsejjaħ board. Tant hu hekk li saħansitra l-eks champion tal-NBA Dwight Howard, meta lagħab kontrih fit-Taiwan, qasam filmat fuq il-medja soċjali bil-kumment: “This is what I was dealing with in Taiwan”, filwaqt li qal bi tbissima li Deguara “għamlu jidher żgħir”.

Iżda minkejja l-esperjenzi internazzjonali kollha, qalbu dejjem baqgħet ma’ Malta.

Riċentement, Deguara kien protagonist ieħor f’suċċess storiku tat-tim nazzjonali Malti fil-Kampjonat tal-FIBA għall-pajjiżi ż-żgħar. Malta rebħet il-midalja tad-deheb wara rebħa ta’ 90-76 kontra Andorra f’finali memorabbli f’Ġibiltà. Kien suċċess li kkonferma l-progress li għamel il-basketball Malti fl-aħħar snin.

“Dan kien wieħed mill-isbaħ mumenti tal-karriera tiegħi,” qal Deguara f’intervista li ta lil dan is-sit. “Meta tirbaħ għall-pajjiżek, is-sensazzjoni hija differenti minn kull suċċess li tikseb ma’ xi klabb. Kien grupp magħqud ħafna u kulħadd ta sehem importanti.”

Madankollu, huwa jemmen li dan is-suċċess għandu jkun biss il-bidu.

“Dan it-titlu għandu jkun motivazzjoni biex nibnu fuq dak li ksibna. Ma nistgħux nieqfu hawn. Irridu nkomplu ntejbu l-livell tagħna u noħolqu ambjent fejn dan is-suċċess isir aktar frekwenti.”

Skont Deguara, il-potenzjal tal-basketball Malti huwa ferm akbar milli ħafna jaħsbu.

“Hawn talent f’dan l-isport. Dejjem kien hemm talent. Il-problema hi li rridu noħolqu sistema li tgħin lil dawn iż-żgħażagħ jiżviluppaw sal-ogħla livell. It-talent waħdu mhux biżżejjed.”

Wieħed mill-punti li enfasizza huwa l-bżonn ta’ struttura aktar professjonali.

“Irridu nibdew naħsbu b’mod professjonali f’kull aspett. Mill-klabbs sal-faċilitajiet, mill-amministrazzjoni sal-preparazzjoni tal-plejers. Jekk irridu nikkompetu ma’ pajjiżi oħra, ma nistgħux nibqgħu naħdmu b’mod każwali.”

Huwa jemmen ukoll li aktar plejers Maltin għandhom ifittxu opportunitajiet barra minn Malta.

“Meta tilgħab barra minn pajjiżek tikber bħala plejer u bħala persuna. Tiltaqa’ ma’ standards differenti, ma’ taħriġ aktar intensiv u ma’ kompetizzjoni ferm aktar qawwija.

Dik l-esperjenza mbagħad iġġibha lura mat-tim nazzjonali.”

Deguara qal li l-kampjonat lokali wkoll għandu bżonn pass ’il quddiem.

“Il-kompetizzjoni trid tissaħħaħ. Aktar ma jkun hemm livell għoli fil-kampjonat, aktar il-

plejers Maltin ikunu ppreparati għall-isfidi internazzjonali. Kulħadd jibbenefika minn kampjonat aktar kompetittiv.”

Aspett ieħor li jqis bħala kruċjali huwa l-iżvilupp tal-kowċis.

“Il-kowċing huwa l-pedament ta’ kollox. Ma nistgħux nistennew li noħolqu plejers ta’ livell għoli jekk ma ninvestux fil-kowċis. Huma għandhom ikunu mħarrġa kontinwament u jkollhom opportunitajiet biex jitgħallmu minn sistemi professjonali barra minn Malta.”

Naturalment, dan kollu jeħtieġ investiment finanzjarju.

“L-isponsors u l-midja għandhom rwol importanti ħafna. Mingħajr appoġġ finanzjarju diffiċli tibni struttura professjonali. Meta jkun hemm aktar viżibilità, jiġu aktar sponsors u b’hekk jinħolqu aktar opportunitajiet għall-atleti.”

Huwa jemmen li l-basketball għandu ħafna aktar x’joffri lill-pubbliku Malti.

“Hemm ħafna logħob ta’ livell tajjeb, ħafna żgħażagħ ta’ talent u ħafna nies li jaħdmu b’dedikazzjoni. Irridu biss nagħtu aktar importanza lil dan l-isport.”

Meta jħares lura lejn il-vjaġġ tiegħu, Deguara jħoss gratitudni kbira.

“Kelli x-xorti nilgħab f’ħafna pajjiżi differenti u nitgħallem minn kulturi differenti. Kull esperjenza għallmitni xi ħaġa ġdida u għenitni nikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna.”

Iżda minkejja l-karriera internazzjonali twila tiegħu, jibqa’ jemmen li l-akbar sodisfazzjon dejjem ikun meta jilbes il-flokk nazzjonali.

“Meta tirrappreżenta lil Malta tkun qed tilgħab għal ħafna aktar milli sempliċement logħba. Tkun qed tirrappreżenta lill-familja tiegħek, lill-poplu kollu u lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

Il-messaġġ tiegħu lejn il-plejers żgħażagħ huwa wieħed sempliċi iżda qawwi.

“Qatt taqtgħu qalbkom. Aħdmu kuljum, emmnu fil-ħolm tagħkom u tibżgħux toħorġu miż-żona tal-kumdita’ tagħkom biex tilagħbu barra. Jekk taħdem bis-serjetà u b’dixxiplina, jistgħu jinfetħu bibien li forsi llum lanqas timmaġinahom.”

Bil-karriera tiegħu mifruxa fuq diversi kontinenti u bl-esperjenza vasta li kiseb tul is-snin, Samuel Deguara jibqa’ wieħed mill-aqwa eżempji ta’ kif atleta Malti jista’ jasal fuq il-palk internazzjonali.

U issa, wara li reġa’ għen lil Malta tikseb suċċess storiku, il-ħarsa tiegħu hija waħda ċara: li l-basketball Malti jkompli jikber fuq pedamenti aktar professjonali sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom opportunitajiet saħansitra akbar minn dawk li kellu hu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport