Rumen ta’ 37 sena ġie kkundannat tliet snin priġunerija wara li ammetta li seraq madwar €2,000 f’diversi serqiet u li pprova jwettaq żewġ serqiet oħra.
Il-każ seħħ f’Novembru li għadda, meta allegatament l-akkużat seraq xi affarijiet minn vettura u pprova jisraq minn supermarket tal-istess sidien f’San Pawl il-Baħar.
Huwa kien akkużat ukoll li kien riċediv, żamm għandu affarijiet misruqa u li prova jisraq minn ħanut ieħor fl-istess lokalità.
Reati oħra li ammetta għalihom kienu dwar żewġ serqiet oħra fi ġranet differenti minn supermarket fis-Swieqi.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake qieset diversi fatturi fosthom il-fatt li l-imputat ammetta fi stadju bikri. Kien għalhekk li l-Qorti ikkundannatu tliet snin ħabs flimkien ma’ multa ta’ €1,000.
Il-Maġistrat Thake ordnatlu wkoll sabiex jħallas lill-ewwel vittmi €1,075 u €953 lill-vittmi l-oħra.