Saturday, April 12, 2025

Jappella biex il-fondi mill-MFF jinkludu r-reżiljenza tal-ilma

- l-MEP Thomas Bajada li qed imexxi l-ħidma tal-PE dwar l-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ir-rapport li ħejja l-Membru Parlamentari Ewropew Thomas Bajada flimkien mat-tim tiegħu dwar l-inizjattiva tal-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma tal-PE, jiffoka fuq diversi temi ewlenin li huma l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, it-tniġġis tal-ilma, l-adattament għat-tibdil fil-klima u d-diġitalizzazzjoni fost oħrajn. 

Tagħrif dwar dan ir-rapport ingħata f’diskussjoni li saret ilbieraħ fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma fir-Rabat u li fiha ħa sehem Thomas Bajada nnifsu, fejn kellu l-okkażjoni li jiltaqa’ mal-pubbliku u mal-partijiet interessati għal skambju ta’ fehmiet dwar l-impatt ta’ din il-ħidma fuq Malta bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport ġie fdat lil Bajada mill-Parlament Ewropew f’Diċembru li għadda wara li kien approvat bħala rapporteur. 

Fid-diskussjoni tal-bieraħ, Bajada qal li l-ilma huwa wieħed mill-aktar riżorsi li niddependu fuqu. Tenna li għal snin twal ilna ninvestu u nkomplu ninvestu biex naraw illi nifhmu x’ilma għandna, kemm qed nużaw minnu u li nġibu modi alternattivi ta’ ilma.

L-MEP Malti qal li filwaqt li jħossu onorat li l-PE fdah b’din ir-responsabilità, l-aktar parti importanti f’dan il-proċess kollu kien li jitkellem ma’ nies differenti, ġejjin minn pajjiżi u reġjuni differenti. Dan hekk kif ir-realtajiet ta’ kull pajjiż huma differenti u wieħed irid ikun sensittiv għalihom. 

“Fi tliet ġimgħat għamlna r-rapport mat-tim tiegħi fi Brussell. Għamilna rapport pro-attiv u mhux re-attiv. Dan il-qafas ġie ppreżentat lill-Kumitat tal-Ambjent u lill-Kumitat tal-Agrikoltura li ressqu l-emendi tagħhom, li mbagħad ġew negozjati mal-partiti politiċi differenti u kienu approvati l-ġimgħa l-oħra.”

“Issa r-rapport qed jiġi konsolidat u fis-6 ta’ Mejju li ġej se jiġi vvutat fil-plenarja. Imbagħad il-Kummissjoni Ewropea mistennija li tippreżenta l-istrateġija li qed nittama tkun ibbażata fuq dan ir-rapport,” qal Thomas Bajada. 

Dwar l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, Bajada qal li rridu ninvestu f’miżuri u teknoloġiji biex naraw li l-agrikoltura ngħinuha biex l-estrazzjoni tal-ilma tkun aktar effiċjenti jew li jingħataw ilma alternattiv. Fl-istess waqt, l-industrija trid ukoll tħares lejn l-użu effiċjenti tal-ilma. 

Dwar it-tniġġis tal-ilma, Bajada qal li din ir-realtà teżisti speċjalment fejn ikun hemm xmajjar kondiviżi bejn pajjiżi differenti. Min-naħa l-oħra, dwar l-adattament għall-bidla fil-klima, huwa nnota li hemm pajjiżi li qed jaffaċċjaw nixfa jew għargħar.

Huwa enfasizza li “l-ambjent ta’ madwarek trid tinvesti fih b’tali mod li nħarsu lejn metodi ta’ kif nilqgħu aktar ilma u nżommuh. Ma’ dawn hemm ukoll l-importanza tal-koperazzjoni bejn reġjuni u pajjiżi.”

Tenna li f’dan ir-rapport, qed isir appell lill-Kummissjoni sabiex fil-Multiannual Financial Framework (MFF) li ġej, ikun hemm fondi allokati speċifikatament għar-reżiljenza tal-ilma. 

“Dawn il-fondi jridu jmorru biex ngħinu, ninvestu u ninnovaw lilna nfusna biex inħarsu lejn modi alternattivi kif nistgħu nindirizzaw l-ilma. Irridu nħarsu lejn investimenti li jixprunaw Public Private Parnerships, li jixprunaw lill-industriji jimmodernizzaw ruħhom, li jgħinu lir-reġjuni biex l-infrastruttura antika tiġi modernizzata imma wkoll li jibnu infrastruttura li tista’ trendilhom,” qal Bajada. 

“Importanti li l-vuċi tagħna tkun b’saħħitha, nibqgħu nsostnu li l-prijorità ewlenija tal-UE għandha tkun li ninvestu fil-komunitajiet u naraw li nibqgħu nkunu reżiljenti, kompetittivi u awtonomi u mhux niddependu fuq ħaddieħor. Irridu nkomplu nħarsu lejn metodi ta’ kif niddiġitalizzaw, billi nużaw l-Intelliġenza Artifiċjali a vantaġġ tagħna.” 

Thomas Bajada temm jgħid li rridu naraw li mhux biss bħala poplu Malti u Għawdxi, imma bħala Ewropej kollha, nifhmu aktar il-valur tal-ilma. Enfasizza li bil-kampanji li qed isiru u l-investiment li sar fl-aħħar snin, nistgħu tassew inkomplu nkunu ta’ xempju għal ħaddieħor u dan minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport