Friday, April 26, 2024

Japplikaw 77 parteċipant u parteċipanta għall-kompetizzjoni nazzjonali tal-presepji

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar dettalji dwar il-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji 2022.

Wara li ngħalqu l-applikazzjonijiet għal din il-kompetizzjoni, b’kollox applikaw 77 parteċipant/a f’dawn il-kategoriji: Presepju mekkaniku kbir; Presepju statiku kbir; Presepju ta’ qies medju (mezzan); Presepju żgħir; Presepju oriġinali; Xogħol ta’ pasturi li jinħadmu lokalment minn 1cm-20cm; Xogħol ta’ pasturi li jinħadmu lokalment 20cm ’l fuq.

Il-Ministru spjega li din is-sena se tiġi ġġenerata QR code, fejn in-nies li jixtiequ jżuru xi wirja jkunu jistgħu jagħmlu scan tal-QR code permezz tal-mobile u titla’ mappa ta’ Malta li turik fejn jinsabu l-presepji li applikaw għall-kompetizzjoni.

Apparti s-77 parteċipant/a tal-kompetizzjoni nazzjonali, qed tittella’ wkoll wirja tal-presepji fiż-Żejtun li fiha qed jieħdu sehem 13-il esebitur. Dawn l-esebituri kienu pparteċipaw f’masterclass u f’diversi workshops fuq il-bini tal-presepji.

Il-Ministru Owen Bonnici sostna illi “dawn il-wirjiet jgħinuna nkattru l-kultura tal-bini tal-presepji u l-pasturi tradizzjonali, kif ukoll jgħinuna nuru iżjed apprezzament lejn il-wirt kulturali intanġibbli. Il-patrimonju tagħna huwa dak kollu li jagħmilna Maltin, għalhekk dawn il-wirjiet jinkwadraw preċiżament fil-viżjoni kulturali li l-gvern firex quddiemu għas-snin li ġejjin.” Dr Bonnici rringrazzja lid-Direttorat tal-Kultura tal-ħidma li saret.

Kull wirja ta’ presepju parteċipi fil-kompetizzjoni ser tkun miftuħa għall-pubbliku mill-Ħadd 18 ta’ Diċembru 2022 sal-Ħadd 8 ta’ Jannar 2023. Il-ħinijiet tal-wiri se jkunu bejn il-17:00 u t-20:00 ta’ filgħaxija, mit-Tnejn sal- Ġimgħa, filwaqt li kull nhar ta’ Sibt, Ħadd u festi l-ħinijiet tal-wiri se jkunu bejn l-10.00 ta’ filgħodu u nofsinhar. Kull applikant jista’ jżomm il-wirja miftuħa f’ħinijiet itwal u / jew ġranet aktar milli mitlub.

Ir-rebbieħa għal kull kategorija f’din il-kompetizzjoni ser jitħabbru fit-8 ta’ Jannar 2023.

Sport