Monday, May 13, 2024

Jasal Malta l-Kardinal rinomat fil-Vatikan, Luis Antonio Tagle

Aqra wkoll

Wasal Malta il-Kardinal rinomat fil-Vatikan, Luis Antonio Tagle, li għada se jkun il-kelliem mistieden waqt l-Aquinas Evening fis-7pm, fl-Awditorju tal-MUSEUM fi Blata l-Bajda organizzata mill-Għaqda Studenti tat-Teoloġija. (GħST) b’kollaborazzjoni mas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM). Il-pubbliku ġenerali huwa mħeġġeġ jattendi.

Il-Kardinal Luis Antonio Tagle, Pro-Prefett għas-Sezzjoni tal-Ewwel Evanġelizzazzjoni tad-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni, se jkun qed jitkellem dwar kif nistgħu nwasslu lil Alla u l-Kelma tiegħu fid-dinja tal-lum.

L-għada, il-Ħamis 9 ta’ Mejju, il-Kardinal Tagle se jkun fil-Kampus tal-Università tal-Imsida biex jipparteċipa f’sessjoni ta’ Q&A mal-istudenti u l-akkademiċi. Il-Q&A se ssir fil-Kamra tal-Kunsill tal-Università fl-10am. Biex jattendi, wieħed jista’ ġentilment jirreġistra hawn: https://forms.gle/wxtPtswPkUssguxh7

L-Aquinas Evening hija attività organizzata mill-Fakultà tat-Teoloġija u l-Għaqda tal-Istudenti tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Il-Kardinal Tagle twieled il-Filippini fl-1957. Ġie ordnat saċerdot fl-1982 u serva f’diversi rwoli differenti bħal vigarju parrokkjali, direttur spiritwali, u bħala Rettur tas-Seminarju ta’ Imus. Hekk kif spiċċa l-istudji tiegħu fl-Istati Uniti, inħatar Vigarju Episkopali għar-Reliġjużi, u aktar tard bħala kappillan. Kien lecturer tat-teoloġija f’żewġ seminarji fil-Filippini. Bejn l-1997 u l-2002, il-Papa Ġwanni Pawlu II ħatar lil Tagle fil-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali. Fl-2001, Tagle inħatar Isqof ta’ Imus, u Arċisqof ta’ Manila fl-2011.

Is-sena ta’ wara, il-Papa Benedittu XVI ħatar lil Tagle bħala membru tal-Kulleġġ tal-Kardinali. Matul is-snin, il-Kardinal Tagle sar membru ta’ diversi kongregazzjonijiet tas-Santa Sede li jaħdmu għall-kura pastorali tal-familji, tal-migranti u tal-persuni itineranti, tal-ħajja kkonsagrata, u tal-lajċi. Serva wkoll f’kummissjonijiet responsabbli minn testi leġislattivi, djalogu interreliġjuż, knejjes orjentali, u għall-patrimonju tas-Santa Sede. Fl-2022, il-Papa ħatru membru tal-Kongregazzjoni għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti.

Bħalissa, Tagle qed iservi bħala l-Pro-Prefett għat-Taqsima tal-Ewwel Evanġelizzazzjoni tad-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport