Steward Health Care Malta (SHCM) laqgħet l-ewwel żewġ suldati Ukreni li qed jirċievu kura f’Malta bħala parti minn programm ta’ rijabilitazzjoni għal persuni amputati Ukreni bl-isem ta’ Project Renew. Il-produttur ewlieni tal-prostetika MCOP International (MCOPi), SHCM, Steward Health Care International (SHCI) u l-fondazzjoni mhux governattiva Future for Ukraine (FFU) se jassistu sa 24 vittma tal-gwerra fl-Ukrajna matul l-2023 f’Malta. Il-programm għandu l-appoġġ tal-Gvern ta’ Malta, permezz tal-Ministeru għas-Saħħa.
L-ewwel suldati Ukreni li bbenefikaw minn dan il-programm huma Vitaly Tarusin ta’ 32 sena u Andriy Konovalov ta’ 45 sena. Iż-żewġ suldati qed jiġu appoġġjati minn Anna Kovaleva, fundatur tal-FFU kif ukoll Olena Nikolaienko, Kap Eżekuttiv u Kap tal-Istrateġija u l-Iżvilupp tal-FFU fil-Polonja.
Vitaly u Andriy huma biss tnejn minn aktar minn 3,000 Ukren li tilfu xi parti minn ġisimhom fil-gwerra, primarjament minħabba splużjonijiet ta’ bombi. Iż-żewġ suldati għaddejjin minn mudell ta’ kura avvanzata żviluppat minn professjonisti ta’ SHCM u MCOPi li se jipprovdulhom saqajn prostetiċi kif ukoll terapija u taħriġ għall-vittmi.
Dan se jwassal lis-suldati sabiex jirritornaw għal funzjoni sħiħa li tippermettilhom li jirritornaw lura f’arthom. Huma qed jiġu kkurati mit-timijiet fl-Orthotics and Prosthetics Unit (OPU) u l-Vascular and Amputee Rehabilitation Unit (VARU) fl-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni San Luqa u Karin Grech, immexxi minn Steward Health Care Malta. Is-suldati huma stmati li se jqattgħu madwar erba’ ġimgħat f’Malta jirċievu l-kura, qabel ma jirritornaw il-Polonja u eventwalment lura l-Ukrajna.