Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Edwina Grima sostniet li l-avukat Jason Azzopardi mhuwiex jaraf il-konsegwenzi ta’ kitbietu fil-konfront ta’ Yorgen Fenech u ordnatlu biex ineħħihom.
Il-Qorti tat din id-deċiżjoni tagħha wara li l-avukati ta’ Fenech daħħlu rikors il-Qorti fil-konfront ta’ Jason Azzopardi, fejn ġie allegat li kiser id-digriet tal-Qorti Kriminali wara intervista li l-istess Azzoparti ta lis-sit Lovin Malta.
L-Imħallef Grima ordnat li jitneħħew partijiet mill-intervista ta’ Jason Azzopardi kif ukoll li stqarrijiet dwar il-proklami m’għandhom qatt jissemmew pubblikament.
L-Imħallef ordnat ukoll biex il-partijiet ma jagħmlux refereza fil-pubbliku dwar Yorgen Fenech, li sa llum għadu preżunt innoċenti u dan biex il-każ tiegħu ma jiġix ippreġudikat.
Fl-istess digriet tagħha, l-Imħallef Grima ordnat ukoll lill mezzi tal-aħbarijiet biex ma jikkwotawx dak li Azzopardi kiteb fil-posts tiegħu fuq Facebook.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella u Godwin Cini f’isem l-Avukat Generali, l-Avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri qed jidhru għal Fenech waqt li għall-parte civile qed jidhru l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.