Friday, May 3, 2024

Jayden Cassar… talent żagħżugħ b’futur mill-isbaħ fil-waterpolo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-waterpolo?

Meta kelli seba’ snin jien bdejt nattendi għal-lezzjonijiet tal-għawm u pe­ress li dak iż-żmien Marsaskala Waterpolo Club beda jerġa’ jipprova jibda in-nursery, il-coach tal-għawm ħajjarni biex nipprova. Kif missejt ma’ din il-logħba mill-ewwel inġbidt lejha u daħlet fija u minn dak inhar ma ħaristx lura. 

X’tikkummenta dwar ir- riżorsi (pixxina) li fihom tittrenjaw u tilagħbu f Malta?

Jien nemmen li bħala pajjiż aħna limitati u m’għandniex il-faċilitajiet u l-opportunitajiet li għand­hom pajjiżi oħra. 

Aħna hawn għandna biss pixxina nazzjonali waħ­da u trid tintuża minn kull club. Nittama li ‘l quddiem ikollna waħda magħluqa għax tkun aktar addattata għat-taħriġ fix- xitwa.

X’sagrifiċċji jinvolvi li tkun player tal-waterpolo?

Li tkun player tal-waterpolo, bħal kull sport ieħor, trid tkun dedikat ħafna u ħajtek u tal-familjari ddur mal-iskeda ta’ taħriġ u logħob li jkollok u ma tantx ikollok ħin liberu. Trid tattendi kull sessjoni ta’ taħ­riġ, sajf u xitwa u mhux bl-aptit, teħodha bis-serjetá u tagħti dak kollu li tista’ biex tkompli tikber u tiżviluppa. 

Kif jirnexxielek tlaħħaq mat-taħriġ, l-istudju u mal- waterpolo?

Peress li l-ġimgħa tiegħi tkun mimlija bl-affarijiet tal-iskola u taħriġ tal-waterpolo, huwa importanti li nqassam il-ħin tajjeb u ma naħlix ħin.  Kull minuta hija prezzjuża. 

Matul l-iskola min jaf kemm-il darba noqgħod nagħmel ix-xogħol tal-iskola fil-break biex kif nasal id-dar niekol u nipprepara biex immur għat-taħriġ li jkollna ta’ kuljum. Il-familja, speċjalment il-ġenituri, jilagħbu parti kbira mis-suċċess ta’ wliedhom għax iridu jagħmlu sagrifiċċji flimkien magħhom biex jiffaċilitawlhom l-affarijiet ħalli ma jaqtgħux qalbhom.  

Kif tiddeskrivi l-esperjenza li kellkom f’Mejju tas-sena li għaddiet mat-team nazzjonali ta’ taħt il-15-il sena fejn ksibtu t-13-il post?

It-team nazzjonali tal- U15, taħt it-tmexxija tal-coach Anthony Farrugia, għaddejjna mill-kwalifiki li seħħew hawn Malta fl-aħħar ta’ Mejju fejn irbaħna lis-Slovenja u ġejna draw ma’ Franza.  Għalhekk aħna kkwalifikajna bl-ewwel post tal-grupp biex nilagħbu fil-LEN European U15 Championships ġewwa Loulé, fil-Portugal. Bil-polza tlajna fil-grupp ma’ Spanja, ir-Rumanija u l-Italja, li nistgħu ngħidu huma fost il-qawwa tal-Ewropa. 

F’dawn il-logħbiet aħna tlifna mal-Italja u Spanja  … u kontra r-Rumanija tlifna b’goal wieħed biss. Wara kellna nilagħbu kontra Georgia fejn irbaħna bl-iskor ta’ 21-8 u ma’ Franza rbaħna 10-8.  

B’hekk it-team tal-U15 Malti spiċċa fit-13-il post fl-Ewropa.  Din l-esperjenza għalija nista’ ngħid li kienet waħda indimenti­kabbli u se nibqa’ ngħożżha fil-memorji tiegħi.  Hawnhekk kellna ċans niltaqgħu u nilagħbu ma’ players ta’ livell għoli minn pajjiżi barranin.  

Bħala team urejna li aħna kapaċi u li nħobbu l-logħba tal-waterpolo u poġġejna isem pajjiżna fost l-aqwa fl-Ewropa.  Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-ASA u lil kull min kien involut li emmen fina u tana din l-opportunitá. 

Nittama li jkun hemm iktar opportunitajiet bħal dawn fil-futur biex inkomplu ntejbu u ngħollu l-livell ta’ dan l-isport għax jien nemmen li meta jkollok opportunitá li tilgħab barra minn xtutna ma’ timijiet barranin tgħin ħafna fl-iżvilupp tal-player, peress li hawn Malta aħna żgħar u l-opportunitajiet huma ferm inqas. Anke bħala timijiet aħna limitati għax hawn inqas clubs.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza preżenti ma’ Ta’ Xbiex?    

Fl-aħħar staġun jien kont magħżul biex nifforma parti mit-team żagħ­żugħ ta’ Ta’ Xbiex u nilgħabu fil-kampjonat tal-Ew­­­wel Diviżjoni.

Bħala coach kellna lil Christian Presciutti, player internazzjonali Taljan. Inħossni ferm fortunat li għamilt parti mit-team tiegħu għax żgur li fl-aħħar mill-aħħar kienet esperjenza pożittiva kemm għa­lija kif ukoll għal sħabi, lil hinn, mir-riżultat fl-aħħar tal-kampjonat. 

Kolletivament urejna grinta u ssilietna bis-sħiħ f’kull logħba. Jien inħossni ferm ixxurtjajt li ngħatajt din l-opportunitá għax minn etá żgħażugħa ta’ 14-il sena kelli ċ-ċans nilgħab fil-kampjonat tal-kbar f’full size pitch ma’ senior players ta’ timijiet kemm tal-Premier kif ukoll tal- Ewwel Diviżjoni b’esperjenza kbira f’din il-logħba.

Jien inħoss li kull logħba kienet differenti u minn kull waħda irnexxieli nitgħallem xi ħaġa u nkabbar l-esperjenza tiegħi  li kienet waħda pożittiva u ta’ għaj­nuna għall-futur tiegħi bħala player f’dawn il- kampjonati.    

Kemm għenek il-coach Christian Presciutti matul l-istaġun li għadda?

Kont privileġġat li bħala coach fis-sajf kelli l-gwida ta’ Christian Presciutti, ikona fl-Italja u fil-waterpolo internazzjonali. 

Meta jkollok coach b’esperjenza kbira kif għandu Presciutti ma tistax ma tħossokx ixxurtjat u fortunat li tkun taħt il-gwida tiegħu.  L-esperjenza twila li għandu f’dan l-isport żgur li kienet ta’ għajnuna fl-iżvilupp tiegħi bħala player. Huwa bniedem veru umli u jinkoraġġik biex toħroġ it-tajjeb li hemm fik u ttejjeb il-livell tiegħek. 

Nista’ ngħid li tgħallimt ħafna affarijiet ġodda li għenuni biex nilgħab aħajr. Il-coach Presciutti għeni ħafna biex inkun player aħjar u ntejjeb l-abbiltajiet tiegħi biex inkun nista’ nużahom fil-logħba.    

Fl-aħħar staġun reġa’ ma kienx hemm is-sistema tal-play-offs. Tabqel li din is-sistema terġa’ tiġi introdotta?

Fl-opinjoni tiegħi bis- sistema tal-play-offs hemm iktar ċans li clubs kbar jagħtu opportunitajiet lill- players żgħar jilagħbu fl-ewwel parti tal-kampjonat u bis-saħħa ta’ hekk dawn il-players li jkunu għadhom telgħin iġibu aktar esperjenza u jrabbu iktar kunfidenza fihom infushom. Filwaqt li meta jaslu logħbiet iebsin u importanti tal-play-offs, il-clubs ikunu ppreparati ji­lagħbu fl-aqwa forma tagħ­hom.

Tixtieq u tqis li fil-futur tissejjaħ mill-coach Karl Izzo biex imbagħad tifforma parti mit-team nazzjonali Malti?

Jien diġá  kelli l-opportunitá li nkun parti fit-team nazzjonali Malti U13 u kien ta’ unur għalija għax kull atleta jkun jixtieq li jkun parti mit-team nazzjonali Malti xi darba jew oħra. 

Il-ħolma tiegħi hija dik ukoll għalhekk nibqa’ naħdem u nirsisti biex meta tiġini l-opportunitá neħo­dha mill-ewwel. Huwa ta’ unur wkoll li nirrapreżenta lil pajjiżi.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u  żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-waterpolo?

Jien għadni żgħir u baqagħli ħafna x’nikber u x’nitgħallem. F’dawn is-seba’ snin li ilni fil-waterpolo tgħallimt li jista’ jkolli kemm suċċessi kif ukoll diżappunti, imma l-importanti li ma taqtax qalbek u tkompli taħdem biex tiġi aħjar u iktar b’saħħtek. 

Jien nagħmel kuraġġ lil kull wieħed u waħda biex jaqbdu l-karriera tal-waterpolo għax huwa sport sabiħ u titgħallem tilgħab f’team. L-importanti hu li tieħu t-taħriġ bis-serjetá u tkun lest tagħmel xi sagrifċċji għax xejn ma jiġi b’xejn. 

Sport