Saturday, February 22, 2025

“Jeħtieġ li nimxu bi proġetti ta’ reklamazzjoni tal-art”- il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi fil-Parlament

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq fil-Parlament li qatt daqs illum ma kien importanti li nħarsu bis-sħiħ lejn il-pjani biex pajjiżna jkollu t-triq ‘il quddiem ċara dwar proġetti ta’ reklamazzjoni tal-art fil-baħar.

Huwa kien qed jitkellem waqt li l-Parlament kien qed jiddiskuti fl-istadju tat-Tieni Qari, Abbozz ta’ Liġi li qed jemenda l-Liġi Marittima. Huwa qal li qed naraw kif se nkomplu nkabbru l-ekonomija tagħna irridu nikkunsidra id-daqs tat-territorju Malti u nippruvaw noħolqu l-bilanċi kollha meħtieġa fid-dawl tad-daqs ta’ pajjiżna. “jekk se nġibu aktar industriji u attivitajiet oħra, irridu naraw fejn se npoġġuhom bl-inqas impatt fuq il-ħajja tan-nies” saħaq il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Għaldaqstant jeħtieġ li jkollha triq il-quddiem ċara kif se jsiru proġetti ta’ reklamazzjoni fil-baħar ħalli jitkabbar it-territorju Malti. Huwa qal li dawn il-proġetti ta’ reklamazzjoni tal-art jistgħu iservu bħala bażi għal aktar spazju għal attivita ekonomika. Bi proġetti bħal dawn nilħqu diversi miri fosthom insaħħu attivitajiet kostali partikolarment fejn hemm bżonn li jsiru interventi mal-kosta minħabba l-isfidi naturali li l-kosta għandha.

Raġuni oħra hija li dawn l-ispazji ġodda fuq il-baħar jagħtuk l-opportunita li meta jkollok investimenti li jkunu jistgħu iħallu impatt fuq il-ħajja tan-nies, u allura tkun trid tiddeċiedi jekk investiment taċċettaħx jew le, tkun tista’ tallokhom fuq art reklamata fil-baħar u l-investiment ma jintilifx.

It-tielet raġuni tal-benefiċċju tar-reklamazzjoni tal-art hija waħda li hija aktar għat-tul, fejn ikun jista’ jiġi deċiż li industriji li jinsabu fuq it-territorju Malti u li qed iħallu impatt fuq in-nies, jiġu trasferiti għal fuq art reklamata mill-baħar u b’hekk inkunu qed intejjbu il-kwalita tal-ħajja tan-nies.

Fid-diskors tiegħu fil-Parlament il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar l-importanza li minn dejjem kellu il-qasam Marittimu għal pajjiżna u kif mal-medda taż-żmien saru diversi investimenti biex dan is-settur jissaħħaħ. Huwa semma kif ir-Reġistru Marittimu Malti huwa wieħed fost l-aqwa fid-dinja u kif għandu jibqa’ jsir kull sforz biex dan ikompli jissaħħaħ.

Huwa semma wkoll l-investiment li sar permezz ta’ Fondi Ewropej biex saret is-sistema Shore to Ship fil-Port il-Kbir li permezz tagħha qed jitnaqqas bil-kbir it-tniġġiż mill-vapuri tal-passiġġieri għall-benefiċċju tar-residenti tal-inħawi kollha tal-Port il-Kbir.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi ħeġġeġ biex jitħaffef ix-xogħol għat-tlestijiet ta’ dawn il-faċilitajiet anke fil-Freeport ta’ Birżebbuġa biex il-kommunita ta’ din il-lokalita tgawdi wkoll minn arja aktar nadifa. Il-proġetti Shore-to-Ship huma oroġetti immirati biex itejbu l-kwalita tal-ħajja tan-nies.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li s-settur marittimu rridu nkomplu nindukrawh u flimkien mas-settur privata nkomplu nfittxu investimenti ġodda f’attivitajiet anċillari ħalli l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tiġġedded b’investimenti li joffru valur miżjud bl-inqas impatt fuq il-ħajja tan-nies.

Sport