Saturday, May 4, 2024

“Jekk kulħadd ixerred messaġġ pożittiv, żgur li d-dinja tkun ferm aħjar”

The Wailers

Aqra wkoll

The Wailers Band hu grupp li ġie ffurmat minn Aston Barrett lura għas-sena 1989 wara li dak oriġinali Bob Marley and the Wailers sfaxxa fix-xena.

Wara l-mewt tal-kantant leġġendarju Bob Marley fl-1981, the Wailers komplew għaddejjin permezz tal-membri Aston Barrett u Junior Marvin. Dawn tal-aħħar daru d-dinja u kulfejn kienu jmorru kienu jiġbru folol kbar.

L-istess fundatur ta’ The Wailers Barrett kien ħadem sabiex joħroġ bl-ewwel album bl-isem ta’ D u kompla jevolvi għal ħafna snin.

The Wailers komplew jżidu il-membri tagħhom fejn fl-2008 ingħaqad magħhom Al Anderson li kien jifforma parti mill-grupp oriġinali. Fl-2014, l-istess Wailers bdew il-famuż Legend Tour li jimmarka t-30 anniversarju mit-twaqqif tagħhom.

Sena wara, Ashton Barrett ried jgħaqqad xi membri oħra ta’ The Wailers tant li għamel irtokk fuq l-isem oriġinali sabiex semmih The Wailers Reunited. Fil-fatt wara kunċerti li ngħaqad fl-Amerika t’Isfel, Barrett għaqqad miegħu lil Al Anderson u Tyrone Downie li aċċettaw b’mod kordjali l-istedina tiegħu.

Fil-21 t’Awwissu 2020, il-grupp ta’ Barrett ħareġ l-album bl-isem ta’ One World li fih kien jinkludi wkoll is-single One World, One Player b’kitba u produzzjoni ta’ Emilio Estefan li kien jinkludi wkoll lil Skip Marley, Farruko, Shaggy u Cedella Marley. 

Dan il-grupp kien f’Malta l-ġimgħa l-oħra waqt l-Għaxaq Music Festival fil-grawnd ta’ Ħal Għaxaq. Folla kbira attendiet għal dan il-kunċert ta’ dan il-grupp li bħalissa għaddej bil-World Tour 2023.

Dan is-sit tkellem mad-drummer Anthony Watson li fissrilna kemm Malta tfisser ħafna għalih.

“Din il-gżira nħobbha ħafna. Għalkemm din hi t-tieni darba li ġejt hawnhekk, l-ewwel darba ma ninsiha qatt. Kont ħadt sehem f’kunċert ieħor u nipprova nieħu l-istil raggae kulfejn immur għax din il-mużika ma tmut qatt.”

Hu qalilna li l-folla sabiħa li attendiet il-Ħamis li għadda f’Ħal Għaxaq ifisser li l-Maltin iħobbu ħafna dan l-istil u ma kinitx sorpriża li kulħadd ipparteċipa bi ħġaru u kantaw diski sbieħ tul il-ħin kemm damu għaddejjin.

Iżda xi jfisser għalih l-ikona leġġendarja tar-raggae Bob Marley?

“Bob Marley għalija hu l-missier tal-mużika raggae, dak li vvinta dan il-ġeneru mużikali li jġiegħlek tirrilassa mhux ftit. Miegħu tgħallimt ħafna u kull min kellu x’jaqsam miegħu, żgur li ħa ħafna mingħandu.”

Tlabnieh jagħtina l-opinjoni tiegħu dwar il-ġeneru raggae. Kif qed jiġi segwit illum il-ġurnata mid-dilettanti tal-mużika?

“Ir-Raggae jibqa’ stil klassiku li kif għedtlek ma jmut qatt. Nemmen li għadu jagħti dik l-emozzjoni unika li fl-opinjoni tiegħi l-ebda ġeneru mużikali ieħor ma jista’ jagħti. In-nies għadhom ifittxuh u mhux ta’ b’xejn li r-raggae ma jmut qatt.” 

Kif qed jarah il-futur ta’ dan il-grupp?

“Aħna qed nagħmlu l-World Tour 2023 u kull pajjiż li qed imorru qed naraw kemm hemm entużjażmu. Dan jimlina b’kuraġġ sabiex nibqgħu għaddejjin fis-snin li ġejjin, sakemm il-Bambin ittina s-saħħa nagħmlu dan.”

Finalment Anthony Watson ried iwassal messaġġ pożittiv lil dawk id-dilettanti tal-mużika Raggae.

“Din il-mużika dejjem tippriedka fuq messaġġ ta’ paċi, għaqda, solidarjeta’ u pożittivita’. Ejja nżommu dan kollu tul ħajjitna iktar u iktar illum il-ġurnata fejn dawn l-affarijiet ma tantx donnu qed nagħtu kashom. Dawn huma elementi importanti u valuri ferm sbieħ li wieħed irid ikompli jippromwovi.”

“Jekk kulħadd ixerred dan il-messaġġ pożittiv, żgur li d-dinja tkun ferm aħjar.”

Sport