Monday, May 13, 2024

Raġel bla saqaf fuq rasu li żvoga l-frustrazzjoni tiegħu barra Kastilja mmultat

... Il-Qorti twissih li “mar fil-post ħażin”

Aqra wkoll

Raġel bla saqaf fuq rasu u bla xogħol, li t-Tnejn mar ħdejn il-Berġa ta’ Kastilja bit-tama li jkellem lill-Prim Ministru dwar il-qagħda tiegħu, spiċċa fl-inkwiet wara li beda jsabbat fuq vettura ministerjali u mbagħad beżaq fuq il-pulizija li pprovaw iwaqqfuh.

Surġent tal-Pulizija li kien għassa barra Kastilja lemaħ lil Ashraf Sultan, ċittadin Malti ta’ 38 sena, li beda jagħti mal-vettura li kienet ipparkjata fi Triq Merkanti. L-uffiċjal tal-pulizija mar ħdejn ir-raġel u pprova jwaqqfu iżda rrabjat kif kien dan irrifjuta li jobdi l-ordnijiet tiegħu u allegatament beżaqlu.

Huwa mbagħad ġie arrestat u tressaq il-Qorti t-Tlieta fejn affaċċja diversi akkużi fosthom li insulta u hedded uffiċjal tal-pulizija, ipprova jagħmel ħsara fi proprjetà tal-gvern, aggredixxa surġent, kiser il-paċi pubblika u anke beda jidgħi fil-pubbliku.

L-Ispettur Gabriel Micallef spjega fil-Qorti li l-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.30 p.m.. Intqal li l-imputat jidher li kellu xi problemi f’ħajtu u mar Kastilja bit-tama li jiltaqa’ mal-Prim Ministru u jitolbu l-għajnuna sabiex ikollu post fejn joqgħod. 

Il-Maġistrat Joseph Mifsud, li quddiemu tressaq l-imputat, qallu “int mort fil-post il-ħażin.” Żied jgħidlu li kienu imissu mar l-Awtorità tad-Djar u jressaq applikazzjoni kif suppost għal akkomodazzjoni soċjali. 

Wara li kkonsulta mal-Avukat tiegħu, l-imputat wieġeb li kien ħati tal-akkużi u kkonferma din l-ammissjoni anke wara li ngħata aktar żmien sabiex jaħsibha. 

Il-prosekuzzjoni rrimarkat li l-attitudni tal-imputat tjiebet mill-ħin li kien arrestat. Fid-dawl tal-ammissjoni bikrija tiegħu, il-Qorti kkundannatu multa ta’ €800, li jrid iħallasha fi żmien tliet snin. 

Minħabba l-problemi ta’ housing li għandu, l-Qorti talbet ukoll lill-Awtorità tad-Djar sabiex tgħin lir-raġel isib dar jew japplika għal skema ta’ sussidju fuq proprjetà tal-kiri.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Daryl Borg. L-Avukat Josette Sultana dehret għall-imputat. 

Sport