Minn Cristian Muscat
Ftit jiem wara li ħabbar li kien se jirriżenja mill-karigi kollha tiegħu fi ħdan Valletta FC, James Mackay ikkonferma li se jkompli jagħti s-servizz tiegħu lit-tim tal-kbar bħala Team Manager għall-istaġun li ġej.
F’intervista ma’ dan is-sit, Mackay spjega kif id-deċiżjoni inizjali tiegħu ma kinitx waħda marbuta ma’ xi diżappunt jew nuqqas ta’ qbil, iżda kienet ġejja mill-għeja akkumulata wara snin twal ta’ servizz volontarju u staġun partikolarment impenjattiv.
“Meta ħabbart li kont se nirriżenja, kienet xi ħaġa li kont ilni naħseb fuqha. Mhux għax kont idejjaqt jew għax kien hemm xi problema. Sempliċement kont għajjien. Għamilt madwar 15-il sena bħala Chairman tal-Akkademja, 13-il sena involut fil-kumitat tal-kbar u fl-aħħar snin kont ukoll Team Manager tal-ewwel tim. L-istaġun tal-futbol Malti huwa wieħed intensiv ħafna u jeħtieġ ħafna ħin u enerġija.”
Huwa qal li għal mument saħansitra ħaseb li kien wasal iż-żmien li jitbiegħed kompletament mill-futbol Malti.
“Kont qed ngħid li ma rridx ikolli x’naqsam aktar mal-futbol Malti. Imma l-klabb m’aċċettax ir-riżenja tiegħi u bdew diskussjonijiet twal u sa ċertu punt, kostruttivi. Wara diversi laqgħat wasalna għal ftehim biex nibqa’ Team Manager tal-ewwel tim, filwaqt li ma nibqax membru tal-kumitat u nnaqqas ukoll mill-involviment dirett tiegħi fl-akkademja.”
Minkejja dan, Mackay qal li l-akkademja tibqa’ qrib ħafna ta’ qalbu.
“L-akkademja hija parti kbira minn ħajti. Inħobb nara t-tfal jikbru u javvanzaw. Issa però rrid niffoka aktar fuq il-viżjoni u l-proġett tat-tim tal-kbar.”
L-istaġun li għadda kien wieħed pożittiv ferm għal Valletta FC, li rebħu l-FA Trophy u l-Jubilee Cup filwaqt li temmew fir-raba’ post tal-kampjonat.
Meta staqsejnieh jekk kienx jobsor li l-istaġun seta’ jintemm b’dan is-suċċess, Mackay qal li kien jemmen fil-proġett sa mill-ewwel ġurnata.
“L-ewwel proġett li bdejna fuqu kien wieħed ambizzjuż. Ridna nibnu tim kompetittiv u nagħmlu minn kollox biex niksbu post fl-Ewropa. Il-kampjonat Malti huwa ferm diffiċli u kompetittiv, għalhekk li spiċċajna fir-raba’ post u rbaħna żewġ trofej kienet kisba importanti ħafna.”
Huwa ddeskriva r-rebħ tal-FA Trophy u tal-Jubilee Cup bħala “ċ-ċirasa fuq il-kejk” wara sena ta’ xogħol intensiv.
“Meta tirbaħ trofew dejjem tkun sodisfazzjon enormi. Għamilna ħafna sagrifiċċji u rajna l-frott tagħhom. Kien premju sabiħ għall-ħidma ta’ kulħadd.”
Mackay faħħar ukoll il-kontribut ta’ diversi persuni li kienu kruċjali għas-suċċess tal-klabb.
“Għandna nies kapaċi ħafna. Alessandro Piscina mexxa l-proġett tal-Gen V b’mod eċċellenti, plejers bħal Thomas Melillo u Jake Azzopardi taw prova tal-potenzjal tagħhom. Hemm armonija kbira bejn kulħadd u naħseb li kulħadd kien fuq l-istess paġna.”
Waħda mill-aktar temi li Mackay tkellem dwarhom kienet il-ħtieġa li l-futbol Malti jkompli jinvesti fiż-żgħażagħ lokali.
“Se nkomplu ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna. Irridu ngħollu l-livell tagħhom u noħolqu aktar opportunitajiet. Nemmen li hemm ħafna talent Malti u rridu nagħtuh il-pjattaforma li jistħoqqlu.”
Huwa ma ħebiex il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta li timijiet ikunu jistgħu jilagħbu bi 11-il barrani.
“Aħna bħala Valletta FC ma naqblux ma’ din l-idea. Naf x’inhuma l-fehmiet tal-President Claudio Grech u naqblu magħhom. Aħna nemmnu fil-plejer Malti u fiż-żgħażagħ tagħna. Jekk tkun tajjeb biżżejjed għandek tilgħab. Jake Azzopardi huwa eżempju ċar ta’ dan; żagħżugħ Malti li skorja fil-finali tat-Trophy u ħa l-opportunità tiegħu.”
Skont Mackay, aktar timijiet għandhom ikunu kuraġġużi biex jagħtu ċans lill-plejers żgħażagħ.
“Għandu jkun hemm aktar spazju għaż-żgħażagħ Maltin. Nemmen li aktar klabbs għandhom jimxu f’din id-direzzjoni għax dan jgħin lill-futbol Malti kollu.”
Dwar il-president Claudio Grech, Mackay ma kellux kliem biżżejjed biex ifaħħru.
“Għandna president b’viżjoni ċara u struttura organizzata. Jagħtina kuraġġ u enerġija kontinwament. Meta inti tħossok eżawrit, hu jkun qed jaħdem għaxar darbiet aktar minnek. Dik hija waħda mis-sigrieti tas-suċċess tagħna.”
Huwa żied li l-għaqda li nħolqot fil-klabb kienet fundamentali biex il-proġett jimxi ’l quddiem.
Mackay kellu wkoll kliem ta’ tifħir għall-kowċ Thane Micallef, li mexxa lit-tim għal suċċess doppju fl-istaġun li għadda.
“Thane huwa arma importanti ħafna għal Valletta FC. Jien kont wieħed minn dawk li appoġġjaw il-wasla tiegħu u llum ninsab kuntent ħafna b’dik id-deċiżjoni. Huwa kowċ serju, dedikat u dejjem ifittex li jtejjeb il-logħba tiegħu. Fl-opinjoni tiegħi huwa wieħed mill-aqwa kowċis fil-futbol Malti bħalissa.”
Dwar is-suq tat-trasferimenti tas-sajf, Mackay qal li l-klabb diġà għamel pass importanti bl-akkwist ta’ Roko Prša.
“Roko jaf sew il-logħba Maltija u nemmen li se jkompli jagħtina kwalità kbira. Huwa plejer li jista’ jagħmel differenza.”
Madankollu, huwa enfasizza li s-saħħa ta’ Valletta qatt ma kienet tiddependi fuq individwu wieħed.
“Dak li għamel differenza l-istaġun li għadda kien il-kollettiv. It-tim ħadem bħala unità waħda u rridu nżommu dak l-ispirtu.”
Mistoqsi jekk humiex mistennija aktar akkwisti qabel il-bidu tal-istaġun, Mackay wieġeb b’ċertu ottimiżmu.
“Xi ħaġa bilfors se jkun hemm. It-tim tar-reklutaġġ qed jaħdem lejl u nhar. Irridu ngħaqqdu l-aħħar biċċiet tal-jigsaw puzzle biex ikollna skwadra kompetittiva.”
Bil-ħsieb diġà fuq l-impenji Ewropej li ġejjin, it-Team Manager ta’ Valletta FC temm jgħid li l-għan hu wieħed ċar.
“Irridu naslu għall-partiti tal-UEFA Conference League fl-aqwa forma possibbli. Nafu li mhux se jkun faċli, iżda għandna fiduċja kbira fil-grupp li bnejna. Jekk nibqgħu magħqudin u naħdmu bl-istess impenn li wrejna s-sena li għaddiet, nistgħu nkomplu nilħqu affarijiet sbieħ għal Valletta FC.”



