Wednesday, July 24, 2024

Jekk se ssifer ma’ Qantas ma tistax tieħu ritratti jew filmati waqt it-titjira

Aqra wkoll

Il-linja tal-ajru Qantas fl-aħħar ġimgħat ħarġet regoli ġodda meqjusin bħala kontroversjali hekk kif dawk kollha li se jsifru magħha ma jistgħux jieħdu ritratti jew filmati waqt it-titjira.

Din ir-regola l-ġdida qiegħda ssir biex tkun protetta l-privatezza tal-istaff tagħha u anke passiġġieri oħrajn li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fuq l-istess titjira.

L-istess regola tgħid li f’każi rari fejn il-passiġġieri jitħallew jieħdu ritratti jew jiffilmjaw għandhom ikollhom il-permess tal-membri tal-ekwipaġġ u għandhom iġibu permess mingħand dawk kollha li se jkunu qegħdin jidhru fir-ritratti jew filmati.

L-unika ritratti jew filmati li wieħed jista’ jieħu hu biss mit-tieqa tal-ajruplan ‘l barra biex tkun tista’ titgawda l-veduta.

Kelliem għall-kumpanija qal li hu jifhem li l-maġġoranza tal-passiġġieri jkunu jridu jieħdu ritratti u filmati waqt it-titjira, iżda huma jridu jifhmu wkoll li passiġġieri oħrajn għandhom id-dritt tal-privatezza.

Diversi passiġġieri li jużaw il-linja tal-ajru Qantas faħħru din id-deċiżjoni u sostnew li kull linja tal-ajru għandha tieħu miżuri simili hekk kif mhux sew li passiġġieri jispiċċaw fuq il-midja soċjali ta’ persuni li lanqas biss ikunu jafu.

Ekonomija

Sport